Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-istati li jiffurmaw parti mill-G7 qed iħejju aktar sanzjonijiet kontra r-Russja wara r-rivelazzjonijiet tal-massakru Russu f’Bucha, b’uffiċċjali Ukreni jistmaw li hemm mat-300 ġisem midfun f’qabar kbir biswit il-knisja ta’ dan ir-raħal fil-Majjistral ta’ Kyiv.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola Von der Leyen, qalet li l-Unjoni Ewropea qed tipproponi t-twaqqif tal-importazzjoni tal-faħam mir-Russja, li tipprevjeni milli jidħlu bastiment Russi f’portijiet Ewropej u s-sospensjoni ta’ €20 biljun f’kummerċ mar-Russja.
Fl-istess waqt, tat x’tifhem li ‘l quddiem jaf jidħlu miżuri li jwaqqfu l-importazzjoni taż-żejt u l-fossil fuels mir-Russja sabiex eventwalment tieqaf id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-enerġija mir-Russja.
Intant, il-White House qalet li qegħda tikkoordina sanzjonijiet mal-G7 u l-istess Unjoni mmirati li jolqtu lill-banek Russi, l-uffiċjali tagħhom u sabiex jieqaf kwalunkwe investiment barrani fir-Russja.
Anki New Zealand ħabbret li se timponi taxxa ta’ 35% fuq kull ma jiġi impurtat mir-Russja u mhux se tibqa’ tesporta prodotti industrijali relatati ma’ industriji stratetiġi fir-Russja.
F’diskors imqanqal fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti t-Tlieta dwar dan il-massakru, il-President Ukren, Volodymyr Zelenskiy, saħaq li r-Russja trid tinżamm responsabbli għall-aġir tat-truppi Russi, li fi kliemu kkommettew “l-aktar reati tal-gwerra orribli” sa mit-Tieni Gwerra Dinjija, waqt li kien qed juri lill-Kunsill filmati ta’ iġsma maħruqa, imdemmija u mbiċċra, fosthom ta’ tfal, f’Bucha, Irpin, u Mariupol.
Huwa staqsa x’saħħa baqalu dan il-kunsill meta Moska għandna l-veto fuq kwalunkwe riżoluzzjoni li titressaq b’mod li “jintuża bħala dritt biex toqtol lin-nies innoċenti” u ħeġġeġ lill-membri tal-kunsill biex iwettqu r-riformi meħtieġa għaliex ir-Russja trid titrasforma lill-Ukranja fi skjavi tagħha.
L-ambaxxatur Russu fin-Nazzjonijiet Uniti, Vassily Nebenzia, irrenda dawn l-akkużi bħala gideb u reġa’ tenna li t-truppi Russi mhumiex jattakkaw lin-nies ċivili, tant li qal li sakemm Bucha damet taħt il-kontroll tar-Russja, ħadd min-nies ċivili ma soffra minn xi tip ta’ vjolenza.
Minkejja dan, stati bħaċ-Ċini u l-Indja, li żammew pass lura minn dan il-kunflitt minħabba l-ħbiberija mal-Kremlin, ikkundannaw dak li ġara f’Bucha u sejħu għall-investigazzjonijiet indipendenti f’dak li seħħ tassew.
Il-White House min-naħa tagħha qed tħeġġeġ lill-193 membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġeneva sabiex il-Ħamis jgħaddu vot li fih ir-Russja tiġi sospiża minn dan il-kunsill, vot li jrid jikseb iż-żewġ terzi tal-kunsill biex tgħaddi r-riżoluzzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-Papa Franġisku kkundanna l-atroċitajiet ta’ Bucha u żamm bandiera Ukrena li ntbagħtet lilu minn dan ir-raħal waqt l-udjenza ġenerali tal-Erbgħa fis-Sala Nervi li fiha laqa’ grupp ta’ tfal refuġjati li kienu għadhom kif waslu fil-Vatikan it-Tlieta.
Intant, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Luhansk, fil-lvant tal-Ukrajna, ħeġġew lin-nies ċivili jevakwaw kif is-sitwazzjoni għadha sigura hekk kif il-bumbardamenti Russi jistgħu jaqtgħu r-rotot ta’ evakwazzjoni fid-dawl ta’ offensiva ġdida fid-Donbas, bl-attakki tal-Erbgħa jimmiraw lil Kharkiv u Mariupol.
Il-Viċi Prim Ministru Ukrena, Iryna Vereshchuk, qalet li l-Ukrajna qed timirri 11-il kurritur siguri sabiex dawn in-nies ċivili jiġu evakwati iżda kulmin beħsiebu jaħrab minn Mariupol, se jkollu jagħmel dan bil-karozza tiegħu.
Dangħaliex l-isforzi biex titwassal l-għajnuna umanitarja f’din il-belt fix-xlokk tal-pajjiż fallew peress li ġiet iċċirkondata mit-truppi Russi, b’għexieren t’eluf maqbuda mingħajr provvisti ta’ ilma, elettriku, mediċini, ikel u xorb sabiex iċedu għall-pressjoni Russa.