Fil-kwartifinali tal-UEFA Champions League fi Stamford Bridge Real Madrid kisbu rebħa ta’ 3-1 fuq Chelsea, b’Karim Benzema jkun strumentali b’hat-trick personali. Fl-10 minuta l-ewwel azzjoni perikoluża għal Real Madrid meta x-xutt ta’ Vinicius Jr. ħabat mal-lasta. Real Madrid fetħu l-iskor fit-22 minuta meta Karim Benzema bidel il-ballun tajjeb ma’ Vinicius Jr., bil-Franċiż jegħleb lil Edouard Mendy b’daqqa tar-ras mill-isbaħ għal 1-0.
Anqas minn żewġ minuti wara Real Madrid jirdoppjaw meta minn cross preċiż ta’ Luka Modric reġa’ kien Karim Benzema li b’daqqa ta’ ras stupenda reġa’ xeħet fix-xibka għal 2-0. Fl-40 minuta Chelsea jnaqqsu l-iskor meta minn cross ta’ Jorginho kien Kai Havertz li bir-ras għeleb li Thibaut Cortouis għal 2-1.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Real Madrid jagħmluhom tlieta meta wara żball difensiv tal-goalkeeper Edouard Mendy kien Karim Benzema li tefa’ f’last vojta għal hat-trick personali. Reazzjoni minn Chelsea meta Cesar Azpilicueta ittanta xortih mid-distanza b’Cortouis jdawwar f’corner b’save spettakolari.
Fil-partita l-oħra, f’Estadio de la Ceramica Villarreal kisbu rebħa sorprendenti ta; 1-0 fuq Bayern Munich. Villarreal marru fil-vantaġġ fit-8 minuta meta minn cross fil-baxx ta’ Giovanni Lo Celso Daniel Parejo ma laqatx tajjeb bil-ballun jaqa’ f’saqajn Anaut Danjuma li mill-viċin ma żbaljax għal 1-0.
Villarreal ħasbu li rdoppjaw fit-42 minuta meta Francis Coquelin għeleb lil Manuel Neuer b’shot cross min-naħa xellugija, liema goal ma kienx konvalidat minħabba offside wara konsultazzjoni mal-VAR. Minkejja l-pressjoni kontinwa’ ta’ Bayern Munich Villarreal għarfu jiddefendu tajjeb ir-riżultat biex se jieħdu dan il-vantaġġ għall-partita ta’ ritorn fl-Allianz Arena, nhar it-Tlieta li ġej.
UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Ilbieraħ: Benfica v Liverpool 1-3, Man City v A.Madrid 1-0 Illum: Chelsea v R.Madrid 1-3, Villarreal v B.Munich 1-0
//= $special ?>