Niġerjan ta’ 36 sena ammetta li ħebb għal tliet membri tal-Korp tal-Pulizija mit-Taqsima tal-RIU wara li l-Pulizija marru jkellmuh fuq rapport li kien daħlilha minn mara li allegat li kienet ġiet stuprata. Irriżulta li Godwin Mana, li jgħix f’appartament f’Ħal Safi ma kellu x’jaqsam xejn ma’ xi każ ta’ stupru li kien irrappurtat minn prostituta. Kien nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tal-9.45am. li l-Pulizija maru fl-inħawi ta’ Triq Diċembru 13 fil-Marsa, minn fejn kien wasal ir-rapport u hemm sabu u kellmu lil Mana.
In-Niġerjan, li qal li jaħdem fil-kostruzzjoni u anke f’ristorant irritalja billi hedded u ħebb għal Surġent u żewġ Kuntistabbli meta kienu qegħdin jaqdu dmirhom. Huwa fil-fatt ammetta li rreżista bi vjolenza lit-tliet membri tal-Korp tal-Pulizija u lil wieħed minnhom għamillu ħsara fil-mobile valur ta’ 160 ewro.
Huwa ammetta li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq wieħed mill-Kunstistabbli, li kiser il-paċi pubblika u ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Minn stħarriġ tal-Pulizija fl-ebda ħin mal-mara indikat li hija kienet ġiet stuprata minn Mana, anke jekk hija qalet lill-Pulizija li huwa kien uża s-servizzi tagħha, iżda baqa’ ma ħallashiex.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet fil-konfront tal-mara biex jaraw jekk għamlitx rapport falz. Sadaniitant il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li staqsiet lill-akkużat hekk huwiex ċert mill-ammissjoni tiegħu, li huwa kkonferma kkundannatu disa’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar.
Hija ordnatlu wkoll biex fi żmien sitt xhur iħallas tal-mobile lill-Pulizija vittma tal-każ u li jekk jonqos milli jagħmel dan jista’ jitressaq il-Qorti u jiġi kundannat għal sitt xhur ħabs jew għal multa ta’ kważi 1,165 ewro jew it-tnejn flimkien.
Hija laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Andy Rotin għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittmi għall-perjodu ta’ tliet snin. Għal Mana deheret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana.
//= $special ?>