Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

“Il-valuri Ewropej mhumiex għall-bejgħ” – il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tipproċedi bil-każ ta' ksur kontra Malta

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li l-għoti taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea għal pagamenti jew investimenti determinati minn qabel mingħajr ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat, qed jikser il-liġi tal-UE. Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Malta rigward l-iskema tagħha taċ-ċittadinanza b’investiment, magħrufa wkoll bħala skema ta’ “passaporti tad-deheb”.

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment timmina l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE, u għandha implikazzjonijiet għall-Unjoni b’mod ġenerali. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE hija fl-istess ħin ċittadin tal-UE għalhekk iċ-ċittadinanza tal-UE awtomatikament tagħti d-dritt għall-moviment liberu, l-aċċess għas-suq intern tal-UE, u d-dritt li tivvota u li tiġi eletta fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali.

B’reazzjoni għal dan, il-Gvern Malti qal li din il-kompetenza hi waħda ta’ natura nazzjonali ta’ kull Stat Membru u hekk għandha tibqa’. Dan filwaqt li se jibqa’ jagħmel ċert illi ċ-ċittadinanza tingħata lil dawk l-individwi li tassew ikun jistħoqqilhom.

Ir-riskji inerenti ta’ skemi bħal dawn ġew enfasizzati fil-kuntest tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Fir-rakkomandazzjoni tagħha tat-28 ta’ Marzu, il-Kummissjoni enfasizzat li l-Istati Membri li għadhom iħaddmu skemi ta’ ċittadinanza b’investiment jeħtieġ li jtemmuhom immedjatament. Ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll lill-Istati Membri biex jiżguraw kontrolli b’saħħithom tal-iskemi ta’ residenza għall-investituri. Permessi ta’ residenza mogħtija b’tali skemi lil ċittadini Russi jew Belarussi, li huma soġġetti għal sanzjonijiet tal-UE b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna, jinħtieġ li jiġu rtirati immedjatament.

Fl-20 ta’ Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta’ avviż formali lil Malta fejn talbet li tittermina l-iskema tagħha ta’ ċittadinanza b’investiment u sussegwentement bagħtet avviż formali ieħor fid-Ġunju tal-2021, bwara l-introduzzjoni ta’ skema ġdida minn Malta fi tmiem l-2020.

Malta dan l-aħħar kellha tissospendiet din l-iskema l-ġdida għaċ-ċittadini Russi u Belarussi wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Iżda Malta qed tkompli tħaddem l-iskema għaċ-ċittadini l-oħra kollha u ma esprimiet l-ebda intenzjoni li twaqqafha. Il-Kummissjoni tqis li tali skema tikser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera u tikser l-istatus innifsu taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati.

Malta issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni. Jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.