Affarijiet bażiċi bħall-ħobż u prodotti magħmulin mill-qamħ, il-ħalib u prodotti bhall-gobon u l-yoghurt ilhom jogħlew għal diversi xhur. U issa, wara li għolew il-pastizzi, jidher li anke l-prezz tal-laħam se jogħla.
Rapporti fit-Times of Malta jindikaw li l-ħaddiema tal-biċċerija u l-importaturi tal-laħam huma mħassba dwar dawn iż-żidiet u jistennew li fi żmien xahar, ikollhom jixtru l-laħam bil-prezz li jinxtara mill-konsumatur fil-ħwienet. Dan ikun ifisser ebda profitt għalihom u spiża akbar. Għalhekk ma jkollhom ebda għażla ħlief li jgħollu l-prezzijiet; xi ħaġa li se twassal biex tal-ħwienet ukoll ma jibqalhom ebda għażla, għajr li jgħollu l-prezzijiet.
Persuna li tkellem mal-ġurnalist Mark Lawrence Zammit spjega kif sa Diċembru li għadda kien jixtri sidra tat-tiġieġ €3.40 –il kilo u jbigħha €6.85. Iżda mix-xahar id-dieħel, se jkun qed jixtriha €6.50 u jbigħha bi prezz ta’ madwar €8.
Il-persuni li tkellmu mat-Times spjegaw kif dan ifisser li xorta se jagħmlu inqas qliegħ.
Biex is-sitwazzjoni tkompli tigrava, il-prezz tal-għalf tal-annimali żdied ukoll. Dan filwaqt li jisperaw li ma jkollhomx jaffaċċjaw spejjez oħrajn… bħal żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-kontijiet tad-dawl.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-laħam lokali għadu ma ntlaqatx daqshekk, iżda jista’ jagħti l-każ li l-prezz tiegħu jogħla wkoll meta l-konsumaturi jibdew jixtru mis-suq lokali minflok dak barrani. Dan diġa beda jinħass għaliex f’temp ta’ ġimgħa, ħafna mill-fniek u t-tiġieġ ta’ Malta żdiedu fil-prezz b’50c.
U issa l-gwerra fl-Ukrajna aggravat il-problema tal-għoli tal-ħajja; problema li għaliha pajjiżna għad m’għandux soluzzjoni. Bil-pagi tal-ħaddiema jibqgħu relattivament baxxi, b’żieda biss ta’ 1.75 fil-ġimgħa.
//= $special ?>