Coronavirus Lokali Saħħa

L-ACE titlob għall-kawtela u biex ma jkunx hemm allarm bla bżonn dwar il-pandemija tal-Covid

L-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering saħqet li tinsab kawta dwar iż-żieda fil-każijiet pożittivi għall-Covid li qed ikollna f’dawn l-aħħar jiem iżda tinsab iktar imħassba dwar l-istqarrija riċenti li saret mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel li l-Isptar Mater Dei jinsab f’sitwazzjoni ddisprata minħabba ż-żieda fil-pazjenti rikoverati l-Isptar kawża ta’ dan il-virus. Stqarrija li aktar tard ġiet miċħuda mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fi stqarrija l-ACE qalet li tilqa’ r-rilaxx ta’ iktar miżuri u temmen li dan huwa l-aħjar mod għat-triq ‘il quddiem filwaqt li wieħed għandu jibqa’ jżomm f’moħħu l-impatt li l-pandemija tal-Covid kellha fuq l-indusrtija inġenerali matul dawn is-sentejn li għaddew.

Filwaqt li l-ACE tkompli tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kawtela mill-pubbliku ġenerali sabiex tiġi evitata iktar żieda fil-każijiet pożittivi, tappella biex jirbaħ is-sens komun ħalli b’hekk jiġu evitati allarmi bla bżonn li jservu biss biex jagħmlu ħsara lill-industrija tal-catering u diversi setturi oħra ta’ pajjiżna.