Lokali Qorti

L-akkużati fil-każ tal-ħtif ta’ persuna ma riedux jiġu eżaminati minn espert imqabbad mill-Qorti

L-akkużati fil-każ tal-ħtif ta’ persuna ma riedux jiġu eżaminati minn espert mediku imqabbad mill-Qorti u meta Mario Scerri staqsihom wieħed wieħed biex huwa jeżaminahom wara ordni tal-Qorti, kollha wieġbu l-istess u qalulu li huma jridu l-preżenza tal-Avukat tagħom.

Christian Borg ta’ 28 sena mis-Swieqi, Thorne Mangion ta’ 27 sena u Jeremy Borg, it-tnejn minn Ħal  Qormi, Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla, Burton Azzopardi ta’ 20 sena minn Bormla huma l-persuni li qed jiġu akkużati bil-ħtif ta’ Carlos Schembri fir-Rabat fil-21 ta’ Jannar li għadda.   

L-espert Mario Scerri kien l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni li kompliet quddiem il-Maġistrat Monica Vella li qal li huwa obda l-ordni tal-Maġistrat Charmaine Galea iżda ma jistax jisforza li jeżamina lil xi ħadd mingħajr il-kunsens tiegħu.

Dwar l-allegat vittma Scerri qal li kollox jindika li qala’ daqtejn tajba u kellu diversi ġrieħi ħfief f’wiċċu, għajnejh ix-xellugija, widnejn, sidru, idu u anke sinna ċċippjata.

Meta kellem lill-vittma, Scerri qal li dan kien qallu bl-istorja li marru għalih ir-Rabat, waqt li kien qed jagħlaq il-ħanut tiegħu, ħarġuh mill-karozza, tefgħuh ġo vann u ħaduh Kordin u bdew jheddu.

Minn hemm marru Kordin fejn bidlu l-vann li nzerta ma kienx fih diesel u marru jagħtuh il-fjuwil f’pompa tal-petrol fil-Fgura. Kien hemm li Schembri ħarbilhom u baqa’ sejjer l-Għassa tal-Fgura.

Ix-xhud qal li skont Schembri, l-Pulizija tal-Għassa tal-Fgura qalulu biex imur l-Għassa ta’ Raħal Ġdid. Meta Mario Scerri staqsa dwar dan lill-Pulizija tal-Fgura dawn qalulu mhux vera li kienu bagħtuh ‘l hemm, imma qalulu biex jistenna, u minflok telaq il-barra.

L-Avukat Jason Grima li qed jidher għal Jeremy Grima staqsa lil Scerri biex jiċċara dan  il-punt u l-punt li l-akkużati, f’dan il-każ’ il-klijent tiegħu, jekk hux minnu li ried il-preżenza tal-Avukat tiegħu. Dwar dan Scerri wieġeb fl-affermattiv flwaqt li fuq dak li qal l-allegat vittma, kkonferma li dak li qal hu u li qalu l-Pulizija huwa totalment differenti. Mario Scerri qal ukoll li Schembri qallu li kien qala’ Schembri kien qala’ xeba’ mingħand l-akkużati kollha.

Xehdu wkoll numru ta’ Pulizija li qalu li l-għada tal-inċident Christian Borg mar jagħmel rapport fuq Schembri li kien seraq diversi karozzi u number plates tal-kumpanija tiegħu u meta hu u sħabu marru jkellmuh Kordin dan ħarbilhom.

Il-Pulizija wkoll li Borg kien mar fil-compound fejn iżommu l-karozzi u beda jqabbel iċ-ċwievet biex jara liema karozzi nsterqu. L-ispetturi tal-Pulizija Sarah Zerafa u Roderick Attard qed imexxu l-prosekuzzjoni, flimkien mal-avukat Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Christian Borg kien assistit mill-avukati Gianluca Caruana Curran, Giannella Demarco, Steven Tonna Lowell u Michael Sciriha. L-avukati Michael Scirha u Roberto Spiteri rrappreżentaw lil Thorn Mangion.

Tyson Grech qed jiġi difiż mill-avukati Jason Grima u Franco Debono, li dehru wkoll għal Burton Azzopardi, flimkien ma’ Marion Camilleri u Francesca Zarb. Għal Jeremy Borg deher ukoll l-Avukat Jason Grima. Għal Luke Milton li tressaq wara l-akkużati l-oħra waqt il-proċess, dehru l-avukati Stefano Filletti u Matthew Xuereb. L-Avukat Shaun Zammit qed jirrappreżenta l-allegat vittma, Carlos Schembri. Il-każ ikompli fl-4 ta’ Mejju li ġej fid-9.10am.