Lokali

L-awtopsja fuq il-katavru li nstab f’Ħal Qormi għadha mhix konkluża

Tkompli tintensifika l-investigazzjoni dwar il-każ tar-raġel li nstab maqtul u msakkar f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi, bl-awtopsja mistennija li toħroġ bir-riżultati finali fis-sigħat li ġejjin. Dan sabiex ikun konfermat jekk il-katavru li nstab fil-karozza t-Tlieta filgħodu hux dak ta’ Mario Farrugia jew le.

Il-katavru nstab prorpju fil-vettura li Farrugia kien juża bħala taxi. Kien għalhekk illi fl-aħħar sigħat il-Pulizija elevaw numru ta’ filmati minn cameras tas-sigurtà sabiex jistabbilixxu l-aħħar movimenti ta’ din il-vettura u jekk kienx hemm persuni oħra involuti.

It-Tlieta kelliem għall-Korp tal-Pulizija spjega li kien għal ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija kienet infurmata minn telefonata anonima li kienet ġejja riħa qawwija minn din il-vettura. Il-karozza, li kienet tintuża’ minn Farrugia kienet ilha pparkjata għal diversi jiem fil-Wied ta’ Ħal Qormi fuq ix-xaqliba ta’ San Ġorġ.

Il-katavru, instab f’din il-karozza b’wiċċu mgħotti b’kutra u sa issa għadu mhux magħruf jekk ir-raġel inqatilx fil-karozza jew jekk inġarrx minn post ieħor. Il-katavru tar-raġel kien jinsab fi stat avvanzat ta’ dekomposizzjoni.

Se tkun l-awtopsija li tikkonferma mija fil-mija l-identità tal-vittma, iżda n-neputija ta’ Mario Farrugia – il-persuna li kien rappurtat nieqes ftit tal-ġimgħat ilu – qalet li 99.9% il-katavru misjub fil-bagoll tal-karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi huwa ta’ zijuwha. Hija insistiet li din hija l-verità u d-destin kiefer kellu jolqot lil Mario Farrugia filwaqt li tenniet li ħadd ma ħaqqu mewta hekk.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet ghaddejja inkjesta immexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.

Net News huwa infurmat ukoll li l-Pulizija qed jinvestigaw l-aħħar kuomunikazzjoni, telefonati, sms’s u messaġġi fuq whatsapp illi setgħu għaddew lejn it-telefown ċellulari ta’ Mario Farrugia.