Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ kumpanija mmexxija minn Christian Borg biex jiġi revokat mandat fuq karozza li tiswa’ €144,000

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ma laqgħetx it-talba tal-kumpanija ‘No Deposit Cars Malta Ltd’ sabiex tirrevoka mandat ta’ sekwestru fuq karozza Mercedes GLE li l-valur tagħha huwa dak ta’ €144,000. Id-Direttur tal-kumpanija No Deposit Cars huwa Christian Borg li fi proċeduri oħra qed jiġi mixli flimkien ma’ oħrajn u li ħataf persuna kontra l-volontà tiegħu.

Huwa wkoll l-istess persuna li għamel negozju fuq propjetà mal-Prim Ministru Robert Abela. Fil-mandat ta’ sekwestru qed jingħad li l-kumpanija ta’ Borg naqset milli tonora l-ftehim tagħha ma’ ċertu Maria Lourdes Fenech dwar il-karozza li kienet se tuża għan-negozju tagħha.

Fl-aħħar tas-sena tal- 2020, il-kumpanija u Fenech iffrimaw kuntratt ta’ ‘hire-purchase’ għall-karozza u l-ftehim kien li hija kellha tħallas pagament ta’ €1,200 kull xahar. Madanakollu, il-kumpanija ma għaddietx il-karozza u fit-28 t’Ottubru, 2021, talbet u kisbet il-ħruġ ta’ mandat ta’ sekwestru li jkopri s-somma ta’ €144,000.

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li mad-daqqa t’għajn Fenech għandha bażi ta’ pretensjoni li trid tingħata attenzjoni.
Dan minħabba li meta wieħed ipoġġi fil-keffa tal-miżien, hemm diversi fatturi bħal telf ta’ profitt;, it-telf tal-ħanut, il-kirjiet imħallsa u x-xogħlijiet imwettqa, il-flus li diġa’ ħallset lill-kumpanija’ tal-karozzi, l-ispejjeż li għamlet għad-drittijiet tagħha u l-impossibilità li tixtri vettura oħra minħabba l-kambjali li għad hemm.

Karozza li riedet tużaha għan-negozja li spiċċat ma ħaditx

Maria Lourdes Fenech, spjegat li kienet sejra tixtri l-karozza Mercedes biex tużaha għan-negozju li kienet se tagħmel ma’ persuna oħra. Qalet li hi riedet timporta affarijiet tal-ikel mill-Italja. Ilmentat li dan in-negozju ma setax jibda minħabba nuqqas tal-kumpanija No Deposit Cars Mata li tagħtiha l-karozza. Spjegat li provat tibda n-negozju billi tuża l-vettura tas-sieħeb fin-negozju iżda kienet tiddependi fuq meta dan seta’ jiġi Malta.

Qalet li dan wassal biex in-negozju falla u tilfet ħafna flus u saħansitra kellha twaqqaf il-kirja tal-ħanut għax il-merkanzija ma setgħetx tasal. Il-kumpanija ressqet rikors u talbet li jitħassar il-mandat ta’ sekwestru u tnaqqsu għas-somma ta’ €2,200.

Il-kumpanija qalet li l-unika spejjeż li kienet għamlet Fenech huwa l-ħlas tad-depożitu u l-ispejjeż relatati mal-ħruġ tal-polza tal-assigurazzjoni. Sostniet ukoll li Maria Lourdes Fenech ma spjegatx kif waslet għal dik iċ-ċifra. No Deposit Cars Malta talbet ukoll biex il-Qorti timponi penali lil Fenech

Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li Fenech għandha bażi għat-talba tagħha. Qalet li meta wieħed ipoġġi fil-keffa tal-miżien it-telf ta’ profitt u tal-ħanut, il-kirjiet imħallsa u x-xogħlijiet imwettqa, il-flus li diġà ħallset lill-kumpanija, l-ispejjeż li kellha biex ressqet it-talba tagħha fil-Qorti u l-impossibbiltà li tixtri karozza oħra minħabba l-flus li kien għandha tagħti fuq il-karozza, il-Qorti tqis li l-ammont maħsub u mitlub mhuwiex sproporzjonat. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet ir-rikors mitlub mill-kumpanija u ordnatilha li tħallas l-ispejjeż tal-Qorti.