Raġel ta’ 38 sena b’indirizz mhux magħruf u li għandu problema ta’ droga ġie kundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li ammetta li f’Novembru li għadda wettaq żewġ serqiet minn karozzi f’Raħal Ġdid, li hedded lill-Ispettur Sarah Zerafa u li ma obdiex l-ordnijiet leġitimi tal-Pulizija.
Emanuel Bianchi nstab ħati li sar riċediv bil-Qorti tgħid ukoll li ttieħed kont li huwa kiser difrejh mal-ġustizzja diversi drabi. Il-Qorti osservat li għalkemm l-imputat ammetta l-akkużi, hu għamel dan biss wara li l-Prosekuzzjoni għalqet il-provi u l-kawża għaddiet fl-istadju tal-provi tad-difiża.
Ingħad li meta sab ruħu daru mal-ħajt, huwa iddeċieda li jammetti fl-isperenza li jikseb mitigazzjoni fil-piena. Pero, dan ma jistax isir, għax l-imputat xorta ħela l-ħin u r-riżorsi tal-forzi tal-ordni u tal-Qorti. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti ma tistax taqbel mas-sottomissjoni tal-partijiet li għandha timponi piena karċerarja lejn il-minimu.
Rigward il-piena, il-Qorti kkunsidrat li l-imputat għandu kondotta raffrettarja bi 18-il kundanna, li fosthom ħamsa minnhom għal serq ikkwalifikat, sitt kundanni ghal ksur tal-liġijiet tas-sewqan, kundanna li kkaġuna ferita ta’ natura ħafifa, u tliet kundanni għal pussess sempliċi ta’ droga.
Huwa inghata diversi opportunitajiet mill-Qrati, fosthom żewg ordnijiet ta’ liberazzjoni kondizzjonata, sentenza sospiża u żewġ ordnijiet ta’ probation, pero l-imputat baqa’ jostina rasu fit-triq li qabad tal-kriminalità. Jirriżultali l-imputat għandu problema ta’ dipendenza fuq id-droga u jidher li ma għamel xejn bis-serjetà biex jeħles minn din id-dipendenza. Wara li ngħata piena karċerjarja ta’ sentejn fl-2018, huwa ingħata opportunità oħra mill-Qrati b’ordni ta’ probation għal tliet snin u ordni ta’ trattament.
Madankollu l-Uffiċjal tal-Probation li kienet qed issegwih matul dawn il-proċeduri xehdet li din l-ordni ta’ probation intemmet wara sena u nofs peress li l-imputat kiser l-ordni ta’ probation, billi kkommetta reat ieħor fil-perjodu operattiv taghħa.
Mix-xhieda tal-Ufficjal tal-Probation jirrizulta wkoll li matul din l-ordni ta’ probation huwa beda programm ta’ riabilitazzjoni mal-Aġenzija Caritas mill-ħabs stess, u kien lesta il-fażi residenzjali. Pero, wara li skonta s-sentenza ta’ priġunerija fl-2019, huwa irrifjuta li jmur jirrisjedi fid-Dar Charlie Miceli, kif kien obbligat li jagħmel sabiex itemm il-programm ta’ ri-abilitazzjoni, u reġa’ rritorna lura għal vizzju tad-droga.
Fir-rapport tagħha l-Ufficjal tal-Probation osservat li għalkemm l-imputat reġa’ wera x-xewqa li jagħmel programm ieħor ta’ riabilitazzjoni, hija innotat li jixtieq isegwi programm biss “skont it-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu”. Huwa nsista li jrid isegwi dan il-programm mal-Aġenzija Sedqa biss, flimkien mas-sieħba tieghu u dment li t-tnejn li huma jkunu għadhom il-ħabs. Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Protezzjoni biex tipprovdi għas-sigurtà tal-ispettur Sarah K. Zerafa, ,li mexxiet il-prosekuzzjoni għall-perijodu ta’ tliet snin.
//= $special ?>