Ix-xewqa tal-Qriema li s-sett tal-vari tal-Passjoni tiżdied b’vara oħra seħħet nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu meta fil-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi żżanżnet it-13-il vara għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Fi kliem semplici, l-akbar sett ta’ vari illi ghandna f’pajjizna…ghal tradizzjoni li tmur lura snin twil.
Ma’ Net News jikkummenta il-Kanonku Arċipriet Dun Mario Mangion.
“Bdejna naħsbu liema xena mill-passjoni ta’ Kristu se ninkludu fiha u propju rajna li l-vara nieqsa hija x-xena ta’ Ġesù kkundannat mis-Sinedriju, li hija l-ewwel kundanna li Ġesù jirċievi fil-passjoni li mbagħad minn hemm, l-għada filgħodu l-Ġimgħa jeħduh għand Pilatu.”
Kienet il-familja Grima li daħlet għal din l-ispiża ta’ dan il-proġett ta’ din il-vara l-ġdida fil-kartapesta li x-xogħol fuqha ilu għaddej għal dawn l-aħħar 3 snin.
“Ovvjament għamilna l-proċessi kollha neċessarji, anki mal-Kurja, u beda x-xogħol fuq l-abbozz minn Aaron Camilleri Cauchi. Kien hemm xi tibdiliet fl-abbozz. Infatti min jara l-abbozz u jara l-vara propja llum, jara xi differenzi.”
Apparti x-xogħol tal-vara li sar f’Camilleri Cauchi Studios fil-Fgura, il-mastrudaxxa Ġużi Xuereb ħadem is-sedja u taraġ fl-injam fejn jidher il-Qassis il-Kbir, Kajfa. Imbagħad, il-mastrudaxxi George u Silvio Debono ħadmu fuq il-karpinterija tal-bradella u l-bankun, fuq disinn ta’ Silvio Pace.
“Il-vara ħa tidħol wara l-vara ta’ Ġuda u allura bejn Ġuda u l-Marbut. Bħala reffiegħa, hawnhekk mhux li hawn xi problema kbira, anzi naħseb hawn problema bil-kontra għaliex għandna ħafna u m’għandhomx x’jergħu. Iġifieri, f’dan il-mument se tkun xi ħaġa sabiħa u ta’ min jgħid li r-reffiegħa kollha huma fratelli mal-5 fratellanzi tal-Kolleġġjata, li huma attivi s-sena kollha.”
U b’hekk din il-vara l-ġdida għal din is-sena se tintrefa’ minn grupp reffiegha mil-familja tal-benefattur … kif ukoll reffiegħ minn kull fratellanza, vara li sabet postha taħt in-navi fil-korsija tal-Knisja fost is-sett tal-vari li ilhom armati sabiex dawn jitgawdew.
U la konna Ħal Qormi, belt li fiha l-kult tal-Ġimgħa Mqaddsa huwa antik ħafna u jinħass ħafna fil-Kolleġġjata, staqsejna lill-Arċipriet x’qed jistenna mill-Ġimgħa Mqaddsa issa li jistgħu jerġgħu jittellgħu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira wara d-daqqa tal-pandemija.
“Il-konkorenza tan-nies hija sabiħa ħafna u dik timlina bil-kuraġġ ukoll anki fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi li jkunu miżgħuda bin-nies. Tieħu pjaċir għaliex hija li ġimgħa l-ispirtu tagħha tinħass sew sakemm naslu ukoll għall-Irxoxt, li hi waħda mill-ikbar festi tal-Knisja u l-ispirtu ta’ din il-festa tinħass ħafna fil-Kolleġġjata ukoll.”
Il-vara l-ġdida ta’ Kristu quddiem is-Sinedriju mistennija titgawda fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li toħroġ mill-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ il-Ġimgħa 15 t’April fil-5 ta’ filgħaxija.
//= $special ?>