Lokali Qorti

16-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn ħwienet f’Ħal Qormi

Raġel minn Żimbabwe kien ikkundannat 16-il xahar ħabs wara li ammetta li f’Novembru li għadda seraq minn żewġt iħwienet f’Ħal Qormi. Is-serqa inkwistjoni kienet ta’ aktar minn €233 imma anqas minn €2,333. Ibrahim Farouk Ismail ta’ 33 sena, ammetta li fis-26 ta’ Novembru seraq minn The Convenience Store u li jumejn qabel seraq minn Jeff’s Pastizzeria.

Il-Maġistrat Nadine Lia qalet li mill-provi li tressqu rriżulta li huwa kkaġuna b’€769 fi ħsara f’The Convenience Store imma ma ġietx stabbilita kemm kienet il-ħsara f’Jeff’s Pastizzeria. Kien għalhekk li minbarra 16-il xahar ħabs ordnatlu jħallas lill-katina ta’ ħwienet The Convenience Store id-danni fi ħsara li kkaġunalha

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza tagħha l-Qorti kkunsidrat il-fatt li r-raġel ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u Kevin Pulis.