Il-Gvern tal-Ukrajna akkuża lill-Ungerija b’li qed tgħin lir-Russja biex tkompli bl-aggressjoni kontra l-poplu Ukren. Akkuża oħra hi li t-Tmexxija f’Budapest ‘qed tgħin biex ir-Russja ssaħħaħ l-idea li tista’ ma tiffaċċjax il-ġustizzja’ għar-reati kontra l-bniedem li twettqu waqt l-invażjoni tat-territorji Ukreni mill-qawwiet tal-Kremlin.
Filwaqt li l-gwerra fl-Ukrajna qed tkompli, qed jidher ukoll li żviluppa sew ‘is-sens ta’ antagoniżmu’ bejn Kiev u Budapest minħabba ċ-ċirkustanzi.
Oleg Nikolenko, bħala l-kelliem għall-Ministeru Ukren għall-Affarijiet Barranin, qal li l-Ungerija qed iżżomm lura milli tirrikonoxxi r-responsabbiltà tar-Russja għall-atroċitajiet fil-konfront taċ-ċivili Ukreni. Hu kompla li l-Ungerija, bl-aġir tagħha, anki qed tinkoraġġixxi lir-Russi biex iwettqu aktar delitti kontra l-popolazzjoni ċivili waqt l-invażjoni tal-Ukrajna.
‘Aħna nqisu l-proposta biex isiru taħditiet għall-paċi ( bejn l-Ukreni u r-Russi) fl-Ungerija bħala xi ħaġa ċinika’, qal Nikolenko, li insista li ‘l-Ungerija għandha tieqaf milli tostakola l-għaqda fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea jekk trid li tassew tirranġa s-sitwazzjoni’.
Il-Prim Ministru Ungeriż, Victor Orban — li ilu s-snin alleat tal-President Russu Vladimir Putin minkejja l-isħubija tal-Ungerija fin-NATO — kien elett mill-ġdid fil-kariga ftit tal-jiem ilu.
Sadanittant, l-Ungerija hi kontra ħafna mis-sanzjonjiiet eżistenti għar-Russja waqt li rrifjutat li tissupplixxi lill-Ukrajna bl-armi. Dan waqt li Orban informa lil Putin li l-Ungerija se tkun lesta biex tħallas lir-Russja bir-rubli għall-gass li timporta u bħala pass li l-pajjiżi Ewropej l-oħra qed jirrifjutaw akkost ta’ kollox.
Fl-istess ħin, il-Gvern Ukren qed jikkritika ‘l-avviċinament tal-Ungerija mar-Russja’ bħala politika li qed ittellef il-kunċett tal-għaqda fost l-Istati tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>