Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ċivili użati bħala tarki umani bi ksur sfaċċat tar-regoli internazzjonali

Ir-rappreżentanti tal-media barranija fl-Ukrajna qed jisimgħu aktar stejjer tal-waħx dwar il-gwerra li qed imexxi l-Kremlin kontra ċ-ċivili ta’ dan il-pajjiż,

Dan waqt li korrispondenti tal-BBC saru jafu li t-truppi Russi użaw ir-residenti tal-villaġġi fit-Tramuntana tal-Ukrajna bħala tarki umani f’ħin meta l-qawwiet tal-Ukrajna kienu qed imexxu l-kontra-attakki fuq dawk iz-zoni.

L-użu ta’ ċivili bħala tarki waqt azzjonijiet ta’ gwerra hu abbuż ċar tal-liġi umanitarja internazzjonali iżda jidher li r-Russi lanqas ma rrispettaw din ir-regoli fil-jiem meta kienu qed jokkupaw il-komunitajiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Kiev.

Sadanittant, l-Ukrajna qed tinsisti bl-għajta għal ‘armi u aktar armi’ biex tiddefendi liċ-ċivili mill-attakki indiskriminattivi – u l-aġir brutali – tat-truppi ta’ Putin li qegħdin jirrepetu l-azzjonijiet ta’ ġenoċidju li kienu komuni fl-artijiet taħt il-qawwiet Nażisti ta’ Adolf Hitler matul it-Tieni Gwerra Dinjija.