Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-G7 jikkundanna ‘il-gwerra brutali’ tar-Russja u ta’ Vladimir Putin

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-G7  (l-aktar seba’ pajjiżi industrijalizzati fid-dinja) ħarġu stqarrija fejn qalu li r-ritratti u filmati xokkanti tal-katavri li kienu suġġetti għal tortura flimkien mal-istejjer dwar l-azzjonijiet kiefra kontra l-poplu ċivili ‘qegħdin juru l-veru wiċċ tal-gwerra brutali li r-Russja u (il-President) Vladimir Putin qegħdin iwettqu kontra l-Ukrajna.’

Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin ‘tas-Seba’ ħarġu bl-istqarrija wara laqgħa mal-Ministru tal-Ukrajna, Dmytro Kuleba, li għandu l-istess dekasteru.

Il-grupp tenna li ‘il-massakri’ fil-belt ta’ Bucha u zoni oħra tal-Ukrajna li kienu ilhom il-jiem okkupati mir-Russi se jkunu trattati bħala abbużi gravi tal-liġi internazzjonali. Dan waqt li Moska għadha tiċħad bil-qawwi li wettqet ir-reati kontra ċ-ċivili mhumiex armati fl-inħawi ta’ Bucha.

Il-G7, fl-istess ħin, wissa biex ir-Russja ‘tieqaf mill-ksur sfaċċat tal-liġijiet umanitarji’ u biex Vladimir Putin jippermetti lill-ħaddiema ta’ fejda jidħlu fiz-zoni ta’ konflitt ( fl-Ukrajna) ħalli jwasslu l-għajnuna liċ-ċivili f’sitwazzjoni ddisprata u, fl-istess ħin, jgħinu għall-evakwazzjoni tar-residenti.

Sadanittant, il-G7 għamilha ċara li jinsab lest biex jagħti aktar flus u tagħmir militari lill-qawwiet tal-Ukrajna biex jiddefendu ruħhom aħjar kontra l-invażjoni ta’ pajjiżhom mill-qawwiet Russi.

Il-grupp tal-G7 — li jiddomina l-kummerċ globali u s-sistema finanzjarja internazzjonali – hu magħmul mill-Kanada, Franza. il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti.

Ir-Russja kienet issieħbet mal-grupp fl-1998, bl-organizzazzjoni, għal żmien, tissejjaħ bħala l-G8 u sakemm ir-Russi spiċċaw esklużi, fl-2014, wara li kienu ħatfu l-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqduha ma’ arthom.