Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja sospiża mill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet Umani

epa08284113 A general view of the new configuration for the 43rd session of the Human Rights Council in the Assembly Hall due to the coronavirus COVID-19, at the European headquarters of the United Nations in Geneva, Switzerland, 10 March 2020. Delegates of the Human Rights Council had to change the room to the Assembly Hall for following both the Swiss federal authorities and WHO's guidance regarding the propagation of coronavirus COVID-19. EPA-EFE/SALVATORE DI NOLFI

L-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għadha kemm ivvutat biex tissospendi lir-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet Umani tal-istess NU, bħala konsegwenza oħra tal-gwerra bla sens li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna.

Is-sospensjoni tar-Russja kienet ikkonfermata waqt sessjoni tal-Assemblea fi New York. Dan l-iżvilupp kien inevitabbli wara l-ħafna allegazzjonijiet dwar reati tal-gwerra mit-truppi tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Qabel il-vot deċiżiv, l-Ambaxxatur Ukren għan-NU, Sergiy Kyslytsya, akkuża lir-Russja dwar ‘abbużi tad-drittijiet umani fuq livell terribbli’ waqt li għamel enfasi fuq il-qtil ta’ għexieren ta’ ċivili mill-qawwiet ta’ Vladimir Putin fil-belt Ukrena ta’ Bucha u l-madwar.

Sadanittant, ir-Rappreżentant Russu għall-Assemblea, Gennady Kuzmin, ikkundanna l-vot waqt li xi pajjiżi, fosthom il-Korea ta’ Fuq u s-Sirja, appoġġjaw lir-reġim ta’ Moska.

Issa hu konfermat li 93 pajjiż ivvutaw għas-sospensjoni tar-Russja. b’24 jivvutaw kontra u bi 58 oħra jastjenu.

Intant, l-Ukrajna esprimiet sodisfazzjon li l-maġġoranza tal-pajjiżi tad-dinja qed jużaw il-voti internazzjonali biex juru l-għadab u stmerrija għad-delitti kontra ċ-ċivili li qegħdin jidhru bħala parti mill-aġenda tal-Kremlin waqt l-invażjoni tal-artijiet Ukreni.