Internazzjonali

IL-Gwerra tal-Ukrajna: Tispikka l-insistenza minn Kiev għall-armamenti

Il-ħtieġa għall-armamenti sofistikati kienet it-tema prinċipali għall-Ministru Ukren tal-Affarijiet Barraniin, Dmytro Kuleba,waqt laqgħa mal-Ministri tal-Punent fil-kwartieri ġenerali tan-NATO fi Brussell, il-kapitali tal-Belġju.

Din hi t-tieni ġurnata ta’ taħditiet għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin imsieħba fl-Alleanza tal-Punent u fejn huma qed jitrattaw l-aħjar mezzi u sistemi ta’ appoġġ lill-Ukrajna f’dan iż-żmien mill-aktar diffiċli. Intant, Kuleba ħa l-opportunità biex jaġġorna lill-Ministri dwar l-aħħar ħruxijiet li qed isofri pajjiżu.

Min-naħa tagħha, Liz Truss, bħala s-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, għamlitha ċara li spiċċat l-era ta’ kuntatti u taħditiet mar-Russja dwar is-sigurtà fl-Ewropa.

Dan waqt li l-Ministeru għad-Difiża Britanniku qal li filwaqt li l-qawwiet tar-Russja qed jikkonċentraw fuq il-fażi ġdida tal-gwerra lejn il-lvant tal-Ukrajna, huma, fl-istess ħin, qed jiffaċċjaw il-problemi kbar fir-rigward ta’ provvisti, nuqqas ta’ suldati u anki issues ta’ moral.