Appell għal qabża fil-kwalità ta’ kif issir il-politika u biex jinqered il-klijenteliżmu – appell illi sar mit-tmexxija tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija matul laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja.
Fl-introduzzjoni tagħha, il-President tal-Kamra Marisa Xuereb innotat kif il-klijenteliżmu jeżisti f’kull livell tal-Amministrazzjoni Pubblika u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ governanza tajba. Hi appellat ukoll għal bidla fil-mod kif jitmexxa l-MCESD, illi qalet li m’għandux jibqa’ talkshop jew b’livell ta’ diskussjoni daqslikieku qegħdin fil-pjazza tar-raħal.
Minflok, qalet li hemm bżonn qabża fil-mod kif dan il-Kunsill jitmexxa u fil-preparazzjoni, iżda anke fit-trasparenza dwar kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali, fil-livell ta’ diskussjoni, fir-risposti li jingħataw u fir-riżultati li joħorġu minnu.
Marisa Xuereb insistiet fuq il-ħtieġa ta’ direzzjoni politika ċara dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li huma setturi li jiddependu ħafna mill-Gvern. Dan filwaqt li hemm bżonn ta’ riforma serja u massiċċa fejn jidħol l-Ambjent u l-Ippjanar.
Fuq kollox, hi appellat lil Abela biex il-Gvern ikun aktar kredibbli fuq dawk il-kwistjonijiet li jinkwietaw lill-komunità internazzjonali, bħall-ħasil tal-flus, l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti u t-taffikar ta’ armi u drogi, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru ftaħar li l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti hi bżonnjuża għall-pajjiż għax minnha jdaħħal ħafna flus. Dan minkejja t-tħassib tal-esperti li l-Gvern għandu jieqaf ibigħ il-passaporti, fid-dawl tal-ġlied li għaddej bħalissa fl-Ukrajna.
F’nifs ieħor, Abela kkundanna l-gwerra fl-Ukrajna, għalkemm ma qal xejn dwar kif s’issa, il-Gvern tiegħu għadu ma ddeċieda xejn fil-konfront ta’ Diplomatiċi Russi li għadhom ma tkeċċewx minn pajjiżna.
Fl-istess waqt, hu tkellem ukoll dwar kif – skont hu – il-Gvern għamel bidliet kbar favur il-Governanza Tajba. Madankollu, lanqas ma rrefera kif dan is-settur u l-ħtieġa ta’ aktar titjib ma kienux inklużi fil-lista tar-responsabbiltajiet Ministerjali għall-membri tal-Kabinett tiegħu.
//= $special ?>