Lokali

“Importanti li l-PN ikompli jissaħħaħ u jiġġedded” – Bernard Grech

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Minkejja r-riżultat elettorali ta’ ftit jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jiffunzjona. Hu għalhekk li saru laqgħat pożittivi li se jgħinu lill-Partit iħares ‘il quddiem, jissaħħaħ u jiġġedded.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervent li għamel matul il-programm NET Live, fuq NET Television.

“Importanti li l-Partit Nazzjonalista jkompli jiffunzjona, jissaħħaħ u jiġġedded u jien se nassigura li dan iseħħ,” qal Bernard Grech.

Hu kompla li fil-jiem li għaddew inżammet laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv u anke mad-Deputati li ġew eletti s’issa, filwaqt li laqgħa oħra tal-Grupp Parlamentari tinżamm il-ġimgħa d-dieħla wara li jkunu eletti d-Deputati kollha tal-Partit.

Fil-jiem li ġejjin, mistenni jiltaqa’ wkoll il-Kumitat Eżekuttiv u eventwalment il-Kunsill Ġenerali biex ikun jista’ jinżamm il-proċess ta’ tiġdid meħtieġ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-ħidma tal-Partit biex ikun hemm ir-rikkezza fil-Grupp Parlamentari bejn il-ġodda u dawk bl-esperjenza ħalliet il-frott mixtieq. Dan hekk kif, fl-aħħar sena u nofs, saret ħidma li wittiet il-pedament biex il-Partit ikompli jikber u jissaħħaħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-aħħar jiem, ra żieda fl-għadd ta’ persuni li jridu jgħinu lill-Partit, bil-bieb tad-Dar Ċentrali u tal-Uffiċċju tiegħu se jibqgħu miftuħin għal min irid jaħdem.

“Għalkemm kellna t-telfa, ħafna qed jikkuntattjawna biex jgħinu u dan nilqawh bis-sħiħ għaliex bħal dejjem, irridu enerġija ġdida li timlini b’aktar kuraġġ u determinazzjoni,” spjega Bernard Grech.

Hu kompla li d-diskussjoni hi sana, iżda għandha ssir fil-fora ideali. Barra minhekk, hu personalment se jkompli jiltaqa’ ma’ entitajiet differenti ħalli l-Partit Nazzjonalista jkun lest għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, sentejn oħra.

Mistoqsi dwar id-deċiżjoni ta’ Janice Chetcuti, li ma tkunx parti mill-elezzjoni każwali biex tkun eletta mill-mekkaniżmu għall-ugwaljanza fost il-ġeneri, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bid-deċiżjoni tagħha, hi tat opportunità lid-distrett biex fin-nofsinhar tal-pajjiż ikun hemm tliet Deputati tal-Partit u b’hekk tissaħħaħ il-preżenza.

Fl-istess waqt, hu rringrazzja lill-Kandidati li mhux se jkunu eletti fl-ebda parti tal-proċess, filwaqt li qal li dawn huma importanti għall-Partit Nazzjonalista u se jara li jkollhom l-opportunità li jaħdmu.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja fejn qal li hi sitwazzjoni ta’ tħassib. Dan hekk kif numru ta’ persuni li tkelmu miegħu qalulu li qed ikunu affetwati b’mod sħiħ minn dan kollu tant li xahar wara xahar ikollhom fuq moħħhom l-inkwiet ta’ kif se jlaħħqu.

Hu qal li l-Gvern għandu sitwazzjoni fejn ma jistax iġib iktar skużi iżda jrid jindirizza dan minnufih.

“Robert Abela għandu jindirizza din is-sitwazzjoni hekk kif hawn numru kbir ta’ persuni li qed ikunu affetwati kif jgħixu ħajja diċenti,” qal Bernard Grech.

Dwar il-bejgħ tal-passaporti, Bernard Grech qal li meta pajjiżna jkun qed ibigħ iċ-ċittadinanza Maltija, automatikament qed ibigħ iċ-ċittadinanza Ewropea. Dan ifisser li wieħed ikun qed jixtri d-dritt li jagħmel li jrid kemm f’pajjiżna u anke f’pajjiżi Ewropej anke jekk m’għandux rabta ma’ dawn il-pajjiżi.

Hu kompla li wieħed irid ikun kburi li hu ċittadin Malti u mhux sempliċiment jixtri parti minn pajjiżna.

“Lil Robert Abela nistiednu li niltaqgħu u naslu għal consensus biex ikolna programm ta’ investiment ta’ vera għal pajjiżna ma’ persuni responsabbli,” qal Bernard Grech. “Iżda dan jista’ jsir biss wara due-diligence.”

Bernard Grech qal li jrid li pajjiżna jimxi ‘l quddiem iżda mhux li l-Gvern jieħu azzjoni li tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Kap tal-PN fakkar li l-Partit dejjem qiegħed hemm biex jisma’ lin-nies u hu għalhekk li kull persuna għandha tersaq biex issemma’ leħinha u ssaħħaħ lill-PN.