Lokali

IR-RAĠEL GĦADU MA ĠIEX IDENTIFIKAT: Il-vittma kellu diversi daqqiet ta’ sikkina f’sidru

Uħud mid-daqqiet kienu superfiċjali, u oħrajn kienu fatali

Aktar kmieni llum saret l-awtopsja fuq il-katavru tar-raġel li nstab maqtul f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi, fejn irriżulta li l-vittma inqatel b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ quddiem ta’ sidru.

Sorsi kkonfermaw ma’ Net News li l-vittma qala’ ammont kbir ta’ daqqiet – uħud minnhom superfiċjali, u oħrajn fatali.

Madankollu, minħabba li l-kadavru nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, il-vittma għadu ma ġiex identifikat u għalhekk l-analiżi forensiċi għadhom għaddejjin fejn l-investigaturi qegħdin jistennew ir-riżultat tat-testijiet tad-DNA biex tkun ikkonfermata l-identità tal-vittma.

Il-Pulizija qiegħda tappella biex min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-omiċidju jista’ jċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri 21224001 / 119.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, flimkien mal-Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella għadhom għaddejjin.