M’hemmx għażla oħra ħlief li l-Ukrajna ta’ Volodymyr Zelenski tirbaħ il-gwerra li qed tiffaċċja bħalissa mar-Russja. Għax jekk ma ngħinux lill-Ukrajna – u dan ma jseħħx – l-Unjoni Ewropea u kull min jemmen fid-demokrazija, ikun falla.
Kliem il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, meta intervistata mill-ġurnalist veteran Taljan Bruno Vespa matul il-programm Porta a Porta fuq Rai1.
Metsola kienet qed twieġeb mistoqsijiet wara ż-żjara li għamlet ftit tal-jiem ilu fl-Ukrajna, fejn setgħet twassal messaġġ ta’ appoġġ lill-Ukreni quddiem l-isfidi li qed jiffaċċjaw.
Roberta Metsola fissret lill-President Ukren bħala mexxej kuraġġjuż bi spirtu qawwi ta’ tmexxija u li b’reżiljenza m’għandux f’moħħu jieqaf milli jiddefendi lill-poplu tiegħu.
Spjegat kif din il-laqgħa nżammet fost il-ħsieb tal-Parlament Ewropew li jsir ħafna aktar u b’urġenza, hekk kif dawn il-jiem mistennija jkunu difiċli ħafna. Tenniet li l-Ewropa trid tagħmel dak kollu possibbli biex ikunu mgħejjun l-Ukreni għax dak li qed jagħmlu, qed jagħmlu ukoll għall-Ewropa kollha.
Roberta Metsola qalet li d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu huma kuraġġjużi għax il-mexxejja Ewropej għandhom ikunu responsabbli minn min jeleġġihom, filwaqt li jaraw li jkun mgħejjun min qed isofri jew se jkun qed isofri.
Filwaqt li fakkret kif l-Ewropa diġà għaddiet u għadha għaddejja minn diversi sfidi ekonomiċi minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li wasal iż-żmien li jkunu diskussi r-realtajiet differenti tal-lum biex jinħolqu l-pakketti differenti ta’ sanzjonijiet, filwaqt li jkunu assigurati l-provvisti tal-ikel u tal-enerġija, anke mingħand fornituri ħbieb tal-Ewropa.
//= $special ?>