Lokali

L-Air Malta ma tidher taħt l-ebda Ministeru

Hekk kif fis-sigħat li għaddew, kienu ppubblikati r-responsabbiltajiet li jaqgħu taħt kull Ministeru fil-Kabinett ta’ Robert Abela, wieħed mill-ewwel jista’ jinnota l-assenza assoluta tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta, li ma kienet assenjata lill-ebda Ministru minkejja l-isfidi li qed tiffaċċja f’dawn ix-xhur.

Min-naħa l-oħra, għal xi raġuni, il-Ministeru għal Għawdex se jibqa’ jkollu taħt ir-responsabbiltà tiegħu r-regolamentazzjoni tal-kaċċa, minkejja li dan il-fattur ilu jiġi kritikat. Barra minhekk, ix-Xandir tal-Istat issa jinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Kultura wara li fl-aħħar leġislatura kien fir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Meta ħabbar il-Kabinett, Robert Abela kien qal li se jkun qed ikabbar il-lista ta’ Segretarji Parlamentari bi tnejn oħra ladarba jingħalaq il-proċess kollu tal-ħatriet tad-Deputati, bl-elezzjonijiet każwali u bl-aġġustament tal-kwota skont il-ġeneri.

Mat-tħabbira tal-Kabinett, kienet innutata t-tneħħija ta’ politiċi bħal Carmelo Abela, Michael Farrugia, Edward Zammit Lewis, Deo Debattista, Chris Agius u Alex Muscat minkejja li wħud minnhom telgħu b’vot qawwi mid-distretti rispettivi. Dan filwaqt li Abela nkluda lil oħt il-mara tiegħu, Alison Zerafa Civelli bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Sa qabel l-elezzjoni, Zerafa Civelli kienet is-Sindku ta’ Bormla.

L-eks Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo kompla jżomm ir-responsabbiltà tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Iżvilupp Rurali, fost oħrajn, filwaqt li l-Ministru Miriam Dalli żdiedulha r-responsabbiltajiet marbutin mal-politika ambjentali.

Il-Ministru Roderick Galdes baqa’ responsabbli mill-housing soċjali, għalkemm fl-aħħar snin għadu ma inawgura l-ebda blokka ġdida ta’ appartamenti għal min qed jiffaċċja din l-isfida. U l-Ministru Ian Borg spiċċa eskluż għalkollox minn kwalunkwe proġett infrastrutturali, hekk kif issa għandu r-responsabbiltà mill-Affarijiet Barranin u Ewropej, bħad-Diplomazija Kummerċjali.

Minflok, is-settur li qabel kien imexxi Ian Borg, issa jinsab f’idejn il-Ministru Aaron Farrugia, li fl-aħħar leġislatura kien ikkonferma li l-Gvern Laburista ma għamel xejn dwar l-Ambjent. Issa, hu se jkollu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-kordinament tal-proġetti maġġuri, fost oħrajn.