Lokali

L-Air Malta torganizza titjira edukattiva għal tfal minn djar tal-Knisja

Madwar 40 tifel u tifla minn diversi djar ta’ Fondazzjoni Sebħ u d-Dar ta’ San Patrizju kienu mistiedna għal titjira edukattiva ta’ 75 minuta. It-titjira tal-Air Malta, KM1952, li ttajret f’altitudni ta’ 20,000 pied lejn Sqallija u lura, inkludiet flyby tal-Muntanja Etna fejn it-tfal setgħu jaraw il-quċċata miksija bil-borra tal-akbar vulkan fl-Ewropa. It-titjira
kienet operata b’Airbus 320NEO, wieħed mill-aktar ajruplani effiċjenti u ambjentalment nodfa li qed joperaw bħalissa.

Qabel it-titjira kien jidher ċar l-entużjażmu tat-tfal, li ħafna minnhom qatt ma marru l-ajruport jew telgħu abbord ajruplan. Huma ngħataw spjegazzjoni dwar il-proċessi tal-ajruport mill-istaff tal-Air Malta u membri tat-tim tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

It-tfal, flimkien mal-carers tagħhom, imbagħad ipproċedew biex jagħmlu check-in u jitilgħu abbord l-ajruplan, u għaddew mill-formalitajiet kollha bħala passiġġieri regolari. Waqt it-titjira ngħataw kolazzjon u figolla.

Mal-wasla, it-tfal ittieħdu fil-hangar tal-inġinerija tal-linja tal-ajru fejn kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet lil inġinier tal-Air Malta li spjega wkoll xi karatteristiċi tekniċi tal-ajruplan. Il-grupp żar ukoll it-tim tas-Servizzi ta’ Salvataġġ u tifi tan-Nar (RFFS) tal-ajruport fejn spjegaw fil-qosor l-importanza tas-sigurtà tal-ajruport.

It-tfal raw ukoll il-vetturi tat-tifi tan-nar tal-MIA, li jippermettu lit-tim jieħu ħsieb kwalunkwe kriżi li tvarja minn nirien u tixrid ta’ fuel għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ. Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, żied jgħid, “Din l-esperjenza ġabet ferħ u eċċitament fost it-tfal li għaddew minn żminijiet diffiċli.

Ilkoll ħassewhom privileġġjati li ngħataw din l-opportunità li jaraw l-Etna permezz tal-inizjattiva tal-Air Malta. Il-Knisja f’Malta tkompli tipprovdi ħarsien u kura lil ħafna tfal, kif ukoll tagħtihom tama u tedukahom biex jikkontribwixxu għal dinja aħjar”.

Iċ-Chairman tal-Air Malta, David G. Curmi, laqa’ lit-tfal ħdejn l-ajruplan qabel it-tluq u f’kumment dwar din l-inizjattiva qal, “Organizzajna din it-titjira bħala parti mir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Air Malta sabiex insostnu inizjattivi u avvenimenti li jikkontribwixxu għall-benessri tal-komunità Maltija. L-għan tagħna hu li dan l-avveniment jidħol fil-kalendarju annwali tagħna sabiex inkomplu nwessgħu din l-esperjenza lill-akbar numru possibbli ta’ tfal li jinsabu fi djar residenzjali”.

Iż-żjara saret possibbli bl-assistenza mogħtija mill-Enemed Co. Ltd, li pprovdew il-fjuwil għall-ajruplan, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li assista bil-loġistika ġenerali fit-terminal u laqa’ lit-tfal fl-istazzjon tat-tifi tan-nar tal-ajruport, SkyGourmet, li offriet il-kolazzjon, u Maypole għall-figolli.

Kull sena bosta skejjel lokali jieħdu l-opportunità li jorganizzaw titjiriet edukattivi simili fuq l-Air Malta għall-istudenti tagħhom.

Tags