Ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq.
Minn ġurnata mimlija daqs bajda taħdem bħala għalliema u tieħu ħsieb liż- żewġt itfal tagħha… Josefa Sammut spiċċat tiġri minn pajjiż għall-ieħor, minn sptar għall-ieħor, biex tieħu l-kura meħtieġa.
Josefa ilha għal dawn l-aħħar sitt snin tbati minn marda rari, fejn is-sistemà ummunitarja tagħmel l-oppost li suppost tagħmel tant li tispiċċa tattakka ċ-ċelloli tan-nervituri li jkunu b’saħħithom. Dan b’riżultat li l-ġisem jiġi dgħajef ħafna u eventwalment il-persuna tispiċċa pparalizzata.
Josefa spjegatilna kif l-ewwel darba li kellha s-sintomi ta’ din il-kundizzjoni hi esperjenzat bil-viżjoni t’għajnejha sfukata.
“Dak il-ħin ma tgħaddilekx minn moħħok x’ikun ġej għalik,” qalet Josefa. “Taħseb li sempliċiment niżlitlek il-pressjoni. Minn hemmhekk bdew isiru t-testijiet, testijiet li damu sew hekk kif is-sintomi ħarġu ftit ftit. It-tobba bdew jissuspettaw li kienet marda rari iżda ma setgħux jikkonfermaw qabel joħorġu t-testijiet kollha.”
Kien hemmhekk fejn it-tobba għamlu t-testijiet kollha meħtieġa u bagħatuhom fi sptar l-Ingilterra biex jifhmu aħjar x’għandha Josefa. Hu kien hemmhekk fejn ħarġet il-konferma li Josefa għandha marda rari li taffetwa lil 0.12% minn kull 100,000 persuna.
Permezz ta’ kura li qed tingħata fi sptarijiet fl-Ingilterra, Josefa tista’ tmajna l-effetti ta’ din il-marda, b’Puttinu Cares dejjem kien warajha biex jgħin lilha u l-qraba tagħha.
Dan kollu wassal biex mhux biss tħarbtet il-karriera ta’ Josefa iżda saħansitra tħarbtet il-familja kollha.
“Ħaġa bħal din tkissirlek ir-rutina tal-ħajja normali,” qal żewġha Neville. “Pero sibna ħafna għajnuna mill-familja hekk kif it-tfal joqgħodu man-nanniet. Imnalla jkollok il-familja tgħinek biex tibqa’ għaddej u nkunu nistgħu mmorru l-Ingilterra għat-trattament.”
Josefa u Neville għandhom żewġt ulied, Sarah ta’ 9 snin u Luca ta’ 12-il sena, liema rutina ġdida għal Luca ma kienet faċli xejn għalih hekk kif għandu l-awtiżmu.
Iżda dan kollu seta’ jittaffa’ xi ftit jew wisq b’mod finanzjarju grazzi għall-għajnuna mogħtija minn Puttinu Cares li dejjem kif ta’ spalla għalihom.
“Kieku mingħajru ma nafx x’konna se nagħmlu,” qalet Josefa. “Meta nitilgħu l-Ingilterra noqgħodu fl-akkomodazzjonijiet ta’ Puttinu, b’xejn. Lanqas għandna kliem biżżejjed biex nirringrazjahom.”
Din hi waħda mill-ħafna esperjenzi xejn faċli ta’ Maltin li jkollhom iħallu lill-qraba tagħhom għal trattament barra minn pajjiżna. Wieħed se jkun jista’ jgħin lil dawn il-persuni billi jagħti donazzjoni waqt il-maratona ta’ Puttinu Cares li se ssir fil-Ġimgħa l-Kbira.