Nhar it-Tnejn li ġej, 11 ta’ April, l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jmexxi l-pellegrinaġġ nazzjonali bl-istatwa devota tad-Duluri u l-Kurċifiss Mirakoluż ta’ Ġieżu, fit-toroq tal-Belt Valletta. Il-pellegrinaġġ se jibda fis-6:00 p.m. mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu). Fi tmiem il-pellegrinaġġ l-Arċisqof jagħti l-barka sagramentali.
Matul il-pellegrinaġġ se jsir talb sabiex il-Mulej jgħinna waqt dan iż-żmien ta’ nuqqas ta’ paċi fid-dinja, b’mod speċjali fl-Ukrajna u r-Russja. Kien għalhekk li ġie deċiż li għal din il-mixja ta’ fidi bl-istatwa tad-Duluri, jinħareġ ukoll il-Kurċifiss Mirakoluż, li ilu jiġbed lejh devozzjoni kbira mis-seklu sbatax, mhux biss mill-Insara Maltin imma anke
mill-barranin li jżuru l-knisja.
L-Insara kollha huma mistiedna u mħeġġa jattendu għal dan il-pellegrinaġġ sabiex flimkien bħala Knisja, ikomplu l-mixja penitenzjali li twassal għall-passjoni, il-mewt u l-qawmien minn bejn l-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-pellegrinaġġ qed jiġi organizzat mill-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss b’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
//= $special ?>