Internazzjonali

Turkija: Rabja talli l-każ ta’ Khashoggi qed ikun trasferit lill-Arabja Sawdija

Jamal Khashoggi

L-attivisti favur id-drittijiet umani huma rrabjati għad-deċiżjoni li ttieħdet mit-Turkija biex il-ġuri dwar il-qtil tad-dissidenti Sawdi Jamal Khashoggi jispiċċa trasferit lill-Arabja Sawdija.

Il-proċess fit-Turkija kien qed isir fil-konfront ta’ 26 nazzjonali Sawdi li huma akkużati bil-qtil ta’ Khashoggi, ġurnalist, li kien mar fil-konslu tal-Arabja Sawdija f’Istanbul f’Ottubru tal-2019.

Intant, imħallef Tork ikkonferma li l-Arabja Sawdija, issa, se tieħu responsabbiltà għall-każ ta’ Khashoggi wara li dan il-pajjiż kien irrifjuta li jestradixxi lis-26 akkużat lejn it-Turkija.

U filwaqt li l-attivisti favur il-ġustizzja jinsabu urtati ferm għall-iżvilupp li fissruh bħala inaċċettabbli, Hatice Cengiz, l-għarusa tal-ġurnalista maqtul, insistiet li se tkompli bil-ġlieda biex issir tassew il-ġustizzja ma’ Khashoggi.

Jamal Khashoggi,  ġurnalista mal-Washington Post, kien wieġeb għal sejħa biex imur fil-konslu tas-Sawdi f’Istanbul u fejn hu spiċċa maqtul fuq il-post minn grupp ta’ aġenti Sawdi. Fl-2019, qorti fl-Arabja Sawdija kienet ikkundannat lil tmien persuni b’konnessjoni mal-qtil u mingħajr ma identifikathom b’isimhom.

Il-każ, issa, qed jitressaq lill-Arabja Sawdija wara li l-Ministru Tork għall-Ġustizzja qabel dwar it-talba ta’ prosekutur biex il-proċess ma jkomplix fit-Turkija fuq bażi li n-nuqqas tal-imputati kien qed itellef il-funzjoni tal-ġustizzja. Il-prosekutur qal ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Arabja Sawdija wiegħdu biex, fl-ġranet li ġejjin, jevalwaw huma l-akkużi kontra s-26 imputat.

Madankollu, il-kelliema għal-Amnesty International li jiddefendi d-drittijiet umani kundannaw bil-kbir it-trasferiment tal-każ lill-Arabja Sawdija bħala deċiżjoni terribbli li ttieħdet biss għall-interessi politiċi ‘ta’ individwi partikulari’.