Ħaddiem tal-Freeport sofra ġrieħi gravi wara li waqa’ għoli ta’ sular. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tad-disgħa fil-Port il-Ħieles, Birżebbuġa.
Minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 64 sena residenti Ħal Luqa, weġġa’ wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lir-raġel li ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.
//= $special ?>