Kummerċ Lokali

Il-Bank MeDirect ikompli jinvesti fit-teknoloġija u jespandi f’suq li qed jevolvi b’rata mgħaġġla

Matul l-2021 il-Grupp MeDirect mexa ‘l quddiem b’mod dinamiku bl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku tiegħu u wera aktar reżiljenza u ħila biex jilqa’ għall-isfidi u bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fis-suq, bis-saħħa tal-istrateġija tat-trasformazzjoni u tat-teknoloġija tiegħu.

Meta ħabbar ir-riżultati finanzjarji annwali tiegħu tal-2021, MeDirect spjega kif kompla jittrasforma l-balance sheet, żviluppa l-pjattaforma WealthTech tiegħu bis-saħħa tal-Wealth SuperApp il-ġdida li tnediet kemm f’Malta kif ukoll fil-Belġju, nieda wkoll servizzi ġodda bħal self għal xiri ta’ djar (home loans) fiż-żewġ pajjiżi, u bena wkoll ir-riservi tal-kapital tiegħu għall- għola livelli li qatt kienu.

Arnaud Denis, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, qal: “L-għan strateġiku tagħna hu li noħolqu bank Ewropew b’ WealthTech li tkun fost l-aqwa li jeżistu u li magħha niżviluppaw ukoll pjattaforma speċjalizzata għal self għax-xiri ta’ djar u li flimkien ikunu ż-żewġ sorsi ewlenin li minnhom il-bank joħloq l-akbar u l-aħjar valur. Biex jirnexxilna nagħmlu dan ikun jiddependi minn kemm inkunu kapaċi li nibnu l-pjattaforma WealthTech tagħna, inkabbru l-frankiġja mal-klijenti li tkun tiffoka fuq nies għonja (affluent), innaqqsu r-riskji u niddiversifikaw il-balance sheet billi nagħtu self għax-xiri tal-proprjetá u nsaħħu l-mod kif noperaw.”

Pass ewlieni li seħħ matul l-2021 kien l-iżvilupp kontinwu tal-Wealth SuperApp ta’ MeDirect. Din tfasslet biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-qasam tas-suq tal-klijenti affluwenti, li mhux moqdi fis-servizzi ta’ investiment. L-għan huwa li toffri, fuq pjattaforma waħda b’arkitettura miftuħa, firxa wiesgħa ta’ possibiltajiet ta’ investimenti online, waqt li toffri esperjenza mill-aqwa lil min jużaha, bi prezzijiet attraenti, kif ukoll li tkun kapaċi tagħmel tranżazzjonijiet bankarji ta’ kwalità għolja, kollox fl-istess App. Fiha l-klijenti jistgħu jagħżlu minn fost aktar minn 1,500 mutual fund, kif ukoll 500 ETF (exchange traded funds), 3,000 ekwità (shares) u 300 bond li jiġu  negozjati fi 17-il borża madwar id-dinja.

Dan il-pakkett ta’ servizzi ta’ investiment hu kkumplimentat b’servizz ta’ mobile banking, li hu faċli biex tużah, fil-muniti differenti ewlenin. Aktar tard fl-2022, MeDirect għandu l-ħsieb li jniedi l-prodott tal-kard virtwali u anke dik fiżika. Permezz ta’ pjattaforma waħda attraenti, li hi faċli biex tużaha, MeDirect qed joffri lill-klijenti għażla sħiħa kif jistgħu jinvestu u jkabbru flushom, filwaqt li tagħtihom il-possibbiltà li jużaw l-app għas-servizzi bankarji li jkollhom bżonn ta’ kuljum, mingħajr xkiel.

Is-Sur Denis qal ukoll li: “Il-Grupp jopera bħala kumpanija tat-teknoloġija bl-istess mod mal-istandards ta’ kumpanija fintech. MeDirect evolva f’service aggregator bi pjattaforma cloud-agnostic (fejn il-Bank qed jibni sistemi li mhumiex dipendenti minn xi provider speċifiku) imfassla apposta bi skala u bi spazju sostanzjali għat-tkabbir. Wieħed mill-vantaġġi ewlenin ta’ MeDirect hu li jipposjedi l-propjetà intellettwali tal-elementi kritiċi tal-proposta tal-valur tiegħu stess, inklużi il-client-touchpoints u l-kapaċitajiet ta’ service aggregation capabilities. B’hekk il-Bank indipendentement jista’ jwassal soluzzjoni omni-channel mill-aqwa, kemm f’verżjoni web kif ukoll mobile.”

Hu semma li din il-prestazzjoni tal-Grupp inkisbet minkejja li s-sena kienet ikkaratterizzata mill-pandemija tal-Covid-19 flimkien ma’ sfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi, inklużi l-inflazzjoni, tħarbit fit-twassil tal-provvisti u aktar tensjonijiet internazzjonali.

Michael A. Bussey, Chairman ta-Grupp MeDirect qal: “Minkejja dawn l-ostakli fl-2021, il-Grupp MeDirect baqa’ jżid l-attività kummerċjali tiegħu u rreġistra tkabbir qawwi fin-numru ta’ klijenti fil-ġuriżdizzjonijiet li jopera fihom, kif ukoll livelli għolja ta’ sodisfazzjon tal-istess klijenti. Il-Grupp tagħna se jkompli jiżviluppa u jniedi prodotti ġodda ħalli jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-klijenti billi jisfrutta l-pjattaforma teknoloġika avvanzata tiegħu.”

Il-numru ta’ klijenti ta’ MeDirect fl-2021 kiber għal 102,000 ruħ, żieda ta’ 37% minn tmiem is-sena 2020. Barra minn hekk, fl-2021 kien hemm tkabbir ta’ 165% fi klijenti ġodda fuq is-sena ta’ qabel, tant li l-Bank kellu 30,000 klijent ġdid matul is-sena. B’kollox, sal-aħħar tal-2021, il-klijenti tal-Grupp bejniethom kellhom Eur4.5 biljun f’assi finanzjarji, li Eur1.5 biljun minnhom kienu investimenti miżmuma f’kustodja ma’ MeDirect.

Fil-Belġju, MeDirect reġa’ kklassifika mal-aqwa ħames banek ta’ investiment u tfaddil diġitali minn spaargids.be. F’Malta, is-soluzzjoni diġitali ta’ onboarding (kif wieħed japplika biex isir klijent ġdid) ta’ MeDirect rebħet il-Premju ta’ Tech.MT għall-Aħjar Użu tat-Teknoloġija għat-Trasformazzjoni tan-Negozju.

Il-Grupp MeDirect kompla jnaqqas ir-riskji u jiddiversifika l-balance sheet tiegħu, proċess li beda fl-2019. B’riżultat ta’ dan, il-portafoll ta’ self korporattiv internazzjonali tal-Grupp niżel għal Eur0.6 biljun fi tmiem l-2021, mqabbel ma’ Eur1.8 biljun, meta kien l-iktar għoli, f’ Marzu tal-2019.

Il-kapital intuża biex jissaħħu l-capital ratios ta’ MeDirect kif ukoll biex jiffinanzja self għax-xiri ta’ djar fl-Olanda u aktar riċcentement f’Malta u l-Belġju. Il-portafoll ta’ self ta’ dat-tip fl-Olanda jġorr riskju baxx billi huwa garantit mill-gvern Olandiż u sal-aħħar tas-sena laħaq Eur1.7 biljun.

Il-capital ratio totali ta’ MeDirect żdied għal 19.2%, l-ogħla li qatt kien minn meta l-Bank beda jiġi regolat mill-Bank Ċentrali Ewropew bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku fl-2016. MeDirect iżomm ukoll biżżejjed likwidità, u fi tmiem l-2021 il-Liquidity Coverage Ratio kien ta’ 363%. Dan huwa ogħla minn kwalunkwe rekwiżiti, rakkomandazzjonijiet u buffers regolatorji.

B’mod ġenerali, fl-2021 il-klijenti korporattivi li ssellfu mill-bank kellhom sena aħjar minn dik ta’ qabel fl-operat tagħhom, fejn raw irkuprament ekonomiku. Meta wieħed iqis il-livell prudenti ta’ provvediment li applika l-Bank fl-2020 minħabba l-pandemija, it-telf minn indeboliment (impairment losses) tnaqqas b’mod sinifikanti minn Eur65 miljun fl-2020 għal biss Eur2 miljun fl-2021.

Minkejja l-investiment kontinwu sinifikanti fil-pjattaforma teknoloġika tiegħu u t-tkabbir tal-operat, MeDirect irnexxielu jżomm kważi fl-istess livell il-bażi tal-ispejjeż fissi meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Bħala perċentwali tal-assi totali, l-ispejjeż fissi tnaqqsu minn 1.50% fl-2020 għal 1.24% fl-2021.

It-tnaqqis fit-telf minn indeboliment li ssemma qabel u l-kontroll fl-ispejjeż ikkontribwew għal titjib fil-prestazzjoni finanzjarja tal-Grupp: minn Eur75 miljun f’telf qabel it-taxxa fl-2020 għal telf qabel it-taxxa ta’ Eur14-il miljun fl-2021, filwaqt li kompla jinvesti b’mod sinifikanti fil-pjattaforma.

Il-Grupp MeDirect intensifika l-attenzjoni tiegħu fuq inizjattivi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) u anke bil-ħatra ġdida ta’ Kap tas-Sostenibbiltà u t-twaqqif ta’ Kumitat ESG. Barra minn hekk, qed ikompli jintegra l-prinċipji ESG fin-negozju u jqajjem kuxjenza fuq il-kriterji ESG fi ħdan l-organizzazzjoni. Fil-kuntest tad-diversità fuq il-post tax-xogħol, MeDirect jimpjega ċittadini minn 22 pajjiż differenti u 41% tal-ħaddiema huma nisa, u fost dawn hemm uħud li jokkupaw karigi eżekuttivi għolja.

Is-Sur Denis ikkonkluda li: “Fil-qosor, l-2021 rat lill-Grupp jirkupra mill-isfidi straordinarji tal-2020. Minkejja ambjent makroekonomiku volatili, MeDirect baqa’ juri dixxiplina bil-mod kif qed jesewixxi l-pjan tat-trasformazzjoni strateġika tiegħu. Lil hinn minn dawn l-isfidi makroekonomiċi, il-Grupp huwa kunfidenti li jista’ joħloq mudell ta’ negozju sostenibbli billi jimplimenta l-pjan tiegħu u jiżviluppa l-pjattaforma WealthTech, bl-ogħla standards, f’livell pan-Ewropew.”