Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Għexieren ta’ mejtin u midruba wara l-isparar tar-rokits fuq stazzjon tal-ferrovija

Il-Gvern Ukren esprima n-niket kbir tiegħu wara li talanqas 40 inqatlu — b’għexieren oħra jisfaw midruba —  minn diversi rokits li kienu sparati lejn stazzjon tal-ferrovija fil-belt ta’ Kramatorsk,fil-lvant tal-Ukrajna.

L-awtoritajiet reġjonali f’Donetsk qalu li fil-ħin tal-attakk, l-istazzjon kien mimli b’eluf tan-nies – inklużi nisa, tfal u anzjani. Dan meta l-maġġoranza assoluta tagħhom kienu refuġjati li kienu qed  jippruvaw isalvaw mill-attakki kontinwi tal-militar Russu fuq l-Ukrajna.

Fil-fatt, kollox jindika li l-istazzjon kien ‘ippakkjat sew biċ-ċivili’ fil-ħin meta ntlaqat mill-missili tar-Russi. Dan meta l-istazzjon, fl-aħħar jiem, kien qed iservi bħala ‘ċentru’ ewlieni għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mir-reġjun tad-Donbas, li jinsab fit-territorji Ukreni tal-lvant.

Filwaqt li numru ta’ pajjiżi kienu qed iħejju biex jikkundannaw l-atroċità ġdida, ir-Russja ma tilfitx iż-żmien biex tiċħad l-involviment tagħha f’dan l-attakk. Sadanittant, kelliema għal Moska enfasizzaw li ‘ma kien hemm l-ebda missjonijiet (militari) skedati għal dik iz-zona’ fil-ħin tal-isparatura.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu, fil-fatt, qal li l-akkużi li r-Russja attakkat dan l-istazzjon qed jitqiesu bħala ‘provokazzjoni’ minn Moska u li kliem bħal dawn ‘imorru ‘il bogħod mill-verità’.

L-istqarrija minn Moska hi simili għal stqarrijiet ta’ ċaħda oħrajn fl-aħħar jiem meta qed jiżdiedu l-provi dwar l-attakki u atroċitajiet ( mir-Russi) fil-konfront taċ-ċivili fl-Ukrajna.