Ir-Russja ammettiet li batiet ‘telf ta’ truppi sinifikanti’ waqt l-invażjoni tal-Ukrajna li issa daħlet fl-45 jum. Dan żvelah il-kelliem ewlieni tal-Kremlin, Dmitry Peskov, li, waqt kummenti lill-istazzjon Britanniku, Sky News, sostna li dan it-telf ta’ suldati ‘qed jitqies bħala traġedja kbira minn Moska’.
Madankollu, Peskov anki addotta ton ta’ sfida fost l-enfasi li r-Russja ‘tilħaq l-iskopijiet militari tagħha (fl-Ukrajna matul il-jiem li ġejjin)’.
L-istqarrija tal-Kremlin dwar is-suldati mitlufa segwiet l-aħbar dwar it-tkeċċija tar-Russja mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Umani.
Xi 93 fost il-193 membru tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ivvutaw favur ‘iċ-ċanfira lir-Russja fuq livell diplomatiku’ u wara li saru magħrufin l-abbużi tad-drittijiet umani mit-truppi Russi fl-Ukrajna…L-istess militar li wettaq diversi massakri ta’ ċivili f’numru ta’ bliet Ukreni – u speċjalment fil-belt ta’ Bucha.
Ħafna mill-massakri ta’ ċivili seħħew waqt li r-Russi kienu qed jirtiraw mill-artijiet li kienu qegħdin jokkupaw ftit tal- jiem ilu. Sadanittant, Moska, fl-aħħar sigħat, ħabbret li ‘ir-Russja kienet qed tirriżenja mill-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet Umani.
Sadanittant, l-ammissjoni ta’ Peskov li r-Russja sofriet telf kbir fost il-militar tagħha (waqt l-invażjoni) hi wkoll, fiha nnfisha, sinifikanti – bl-Ukrajna qed tinsisti li nqatlu ‘il fuq sew minn 20,000 suldat tal-Kremlin f’dawn il-ġimgħat ta’ battalji.
Il-kalkuli tal-vittmi tal-gwerra – min-naħa tal-Ukrajna kif ukoll min-naħa tar-Russja – ma jistgħux ikunu verifikati minn sorsi indipendenti.
L-analisti, intant, wissew li r-Russja kapaċi qed tnaqqas ‘bil-kbir’ min-numri tas-suldati mitlufa waqt il-ġlied mal-Ukreni u meta lanqas mhu eskluż li l-Ukrajna kapaċi qed ‘teżaġera xi ftit’ l-ammonti tar-Russi maqtula bil-għan li tistimola l-moral tal-poplu tagħha.
//= $special ?>