L-Alleanza tan-NATO, fl-aħħar sigħat, qablet biex issaħħaħ l-appoġġ għall-Ukrajna b’li tipprovdilha l-armi biex tiddefendi lilha nnfisha kontra t-truppi tal-Kremlin li invadew l-artjiet Ukreni fl-24 ta’ Frar.
Iżda s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg – waqt l-aħħar summit għall-Ministri tal-Affarijiet Barranin fi Brussell – ma provdiex dettalji dwar it-tip tal-armi li jistgħu u li għandhom jingħataw lill-Gvern tal-Ukrajna.
Sadanittant, Stoltenberg tenna li l-alleati tan-NATO qed jikkundannaw bla riservi ‘l-omiċidji terribbli ta’ ċivili f’Bucha, Mariupol u bliet oħra tal-Ukrajna’ Dan waqt li l-Alleanza qed tappoġġja l-isforzi għal investigazzjoni bir-reqqa tar-reati tal-gwerra li seħħew fl-Ukrajna fl-aħħar ġimgħat.
Hu, iżda ma tkellimx fit-tul dwar l-armamenti ‘li huma lesti għall-Ukreni’ –għalkemm magħruf li l-Alleati tan-NATO qed iħejju diversi sistemi tal-armi, inklużi armamenti moderni u sofistikati, flimkien ma’ armi tal-era Sovjetika.
Jens Stoltenberg, fl-istess ħin, irrifjuta li teżisti distinzjoni bejn ‘armi offensivi’ u ‘armi difensivi’ f’sitwazzjoni fejn l-Ukrajna qed tiddefendi ruħha kontra l-attakki tar-Russi.
Hu wissa wkoll li l-Ewropa u l-Punent għandhom ikunu preparati għall-possibbiltà ta’ gwerra fit-tul ( fl-Ukrajna) u li tista’ iddum għaddejja x-xhur jew anki s-snin.
//= $special ?>