Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Vjolenza f’Tel Aviv…Jinqatel wara sparatura qattiela f’ħanut tax-xorb

Il-qawwiet tas-sigurtà f’Iżrael qatlu raġel Palestinjan li sigħat qabel kien wettaq sparatura qattiela f’ħanut tax-xorb, fl-inħawi ta’ Tel Aviv.

L-isparatura seħħet f’waħda mill-aktar zoni attivi tal-belt u fiha nqatlu żewġ persuni b’talanqas 12 jisfaw midruba.

Il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani wieġbu mal-ewwel għall-emerġenza u baqgħu l-lejl kollu jsegwu l-passi tal-aggressur li sa fl-aħħar instab viċin ta’ moskea fl-inħawi ta’ Jaffa. Minkejja li kien b’dahru mal-ħajt, il-Palestinjan iddeċieda li jiftaħ in-nar fuq l-aġenti tas-sigurtà u l-pulizija u fejn spiċċa maqtul fuq il-post.

Wara sar magħruf li l-aggressur  kien residenti ta’ Jenin li jinsab fiz-zona tax-Xatt tal-Punent okkupata mill-Iżraeljani. Ir-rapporti qalu wkoll li hu kien daħal illegalment fl-artijiet ta’ Iżrael u li ma kellu l-ebda konnessjonijiet ċari mal-organizzazzjonijiet tal-militanti.

L-istess rapporti sostnew li ‘il fuq minn 1,000 membru tal-pulizija Iżraeljana, il-qawwiet speċjali tal-Armata u s-servizzi sigrieti ta’ Shin Bet ħadu sehem fit-tfittxija għal dan ir-raġel.

Il-vjolenza seħħet wara sensiela ta’ attakki simili f’Iżrael li swew il-ħajja ta’ 13-il persuna.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Naftali Bennett qal li l-qawwiet tas-sigurtà tiegħu jinsabu fuq stat ta’ allert massimu. Bennett, fl-aħħar sigħat, ordna biex l-aċċess bejn ix-Xatt tal-Punent u Iżrael, qrib ta’ Jenin, jingħalaq għal żmien mhux determinat.

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, filwaqt li kkundanna l-qtil ta’ ċivili Iżraeljani, wissa li l-vjolenza kontinwa li qed tħalli vittmi Iżraeljani u Palestinjani  għandha twassal biss għal sitwazzjoni dejjem aktar perikoluża u li minnha mhu se jgawdi ħadd.