L-Imħallef Edwina Grima qalet lill-avukati ta’ Yorgen Fenech li ma jistgħux jingħataw kopji ta’ data rkuprata minn apparat li huma jsostnu li kienet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia peress li ma ġewx esebiti fl-atti tal-każ.
L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada ġie mħarrek mid-difiża iżda ma deherx il-Qorti, u nforma lill-Qorti li ma setax jattendi għal raġunijiet personali. L-Avukat Charles Merceica informa lill-Qorti li kien irċieva risposta mingħand Bajada li fiha l-espert qal li ma kellux informazzjoni x’jagħti.
L-Imħallef Edwina Grima rrimarkat lid-difiża li Bajada qatt ma xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi u li kien ippreżenta r-rapport tiegħu fl-atti tal-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Degiorgios biss. Dan kien ifisser li f’dan l-istadju, ma kinitx tikkostitwixxi evidenza fl-atti, qalet l-imħallef, u għalhekk ma setgħetx tiġi żvelata lid-difiża.
Merceica staqsa jekk Bajada jistax jixhed fil-ġuri u jesibixxi d-data f’dak l-istadju. “Daphne kellha żewġ mobiles u l-espert inħatar biex jara jekk kienx hemm xi theddid minn terzi,” sostna l-avukat. Il-Qorti rrimarkat li dan l-eżerċizzju qatt ma sar, iżda. “Il-mobilde innifsu nqered fl-isplużjoni u għalhekk saret kopja diġitali tiegħu u setgħet tiġi estratta biss data limitata,” qalet l-imħallef.
“Fejn iħallina dan kollu?” staqsa Mercieca. Il-qorti wieġbet li setgħet taħdem biss bil-provi esebiti quddiemha. Meta l-Imħallef kienet talbet l-informazzjoni lill-maġistrat inkwirenti, il-maġistrat kienet bir-raġun wieġbet li l-inkjesta kienet sigrieta u rrifjutat, qalet lill-avukat.
Mercieca stqarr li qabel id-difiża kellha l-provi kollha f’idejha, kienet se tiltaqa’ ma’ diffikultà biex tħejji d-difiża tagħha. Staqsa wkoll dwar data estratta mill-apparat diġitali ta’ Keith Schembri. “Ma nistax nitlob għal provi li huma parti minn inkjesti pendenti,” wieġbet il-qorti. Mercieca ipprotesta li dan poġġa lid-difiża f’pożizzjoni skomda u staqsa x’tista’ tagħmel il-qorti. “”Il-qorti ma tista’ tagħmel xejn… fl-aħħar mill-aħħar naraw x’evidenza hemm u liema tista’ tintwera lill-ġurati u teħodha minn hemm,” wieġbet l-imħallef.
Deċiżjoni dwar talba għal pleġġ se tingħata mill-awla.
Il-Qorti semgħet ukoll evidenza dwar l-aħħar talba ta’ Fenech għall-ħelsien mill-arrest, Id-difiża sejħet biex jixhdu lill-Ispettur Kevin Pulis, uffiċjal tal-Faċilità Korrettiva, kif ukoll lil omm Yorgen Fenech. L-Ispettur Pulis ta dettalji dwar l-arrest ta’ Fenech u t-tfittxijiet li saru f’Portomaso.
Huwa qal lill-Qorti li Fenech kien ikkopera mal-pulizija u obda l-kundizzjonijiet imposti fuqu matul iż-żmien li għamel fuq Police Bail. Uffiċjal tal-ħabs xehed ukoll dwar l-imġieba ta’ Fenech fil-ħabs, u qal lill-qorti li “Yorgen kellu rapport wieħed f’Jannar 2020 talli naqas milli jikkonforma mar-regolamenti.
Huwa ġie mċanfar għal dak ir-reat. M’għandu l-ebda rapporti oħra minbarra dak.” Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia staqsa lix-xhud jekk kienx minnu li Fenech kien irriżulta pożittiv għall-kokaina 33 jum wara li daħal l-ħabs.
“Iva, fit-23 ta’ Novembru kien pożittiv għall-kokaina” wieġeb l-uffiċjal. “U fit-3 ta’ Jannar?” staqsa l-prosekutur. Fenech kien ittestjat f’10 okkażjonijiet wara t-test pożittiv tal-kokaina, qal l-uffiċjal. “Hu kien kontinwament ittestjat… Naħseb li kien fit-2 ta’ Jannar 2020, li t-test ħareġ negattiv.”
“Huwa ġie ttestjat 10 darbiet wara li nstab pożittiv għall-kokaina.” L-aħħar xhud mħarrka mid-difiża kienet omm Fenech, li qalet li se taċċetta li taġixxi bħala l-garanti għall-ħelsien mill-arrest ta’ binha, filwaqt li toffri wkoll id-dar tal-familja tagħha bħala garanzija għall-ħelsien tiegħu.
Omm Fenech telgħet fuq il-pedana tax-xhieda bħala garanti potenzjali, u qalet li lesta taċċetta l-obbligu li tiżgura li Fenech jobdi l-kundizzjonijiet kollha imposti mill-qorti. “Lesta nagħmel d-dar tiegħi bħala garanzija, il-pussess l-aktar prezzjuż tiegħi ,” hija qalet
Il-mara esebit envelope li kienet ingħatat mill-avukat Gianluca Caruana Curran, lill-Qorti, li kien fih kopja ta’ stima tal-valur tal-proprjetà. “Jien konvint li ibni se jaġixxi b’mod responsabbli. Wara li miet missieru, hu dejjem aġixxa b’mod responsabbli u wera rispett.”
Mercieca staqsieha jekk tafx x’inhuma l-konsegwenzi tal-garanzija tagħha, inkluż kriminali. “Naf li jista’ jkun hemm konsegwenzi, anke kriminali, imma m’iniex inkwetata dwarhom peress li naf tajjeb lil Yorgen.” Il-qorti se tiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest f’digriet li għandu jingħata mill-awla. Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca.
//= $special ?>