L-Imħallef Francesco Depasquale appella lill-Gvern biex isib soluzzjoni għal problema sabiex ikun hemm sinerġija bejn l-Ufficcji tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat. Il-ġudikant għamel dan l-appell waqt li kien qed jisma’ l-provi fil-kawża kostituzzjonali ta’ Adrian Agius, “Ta’ Maksar” fi proċeduri kostituzzjonali l-bierah wara nofsinhar.
ll-kawżi kriminali huma fid-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali filwaqt li dawk ċivili u kostituzzjonali huma f’idejn l-Avukat tal-Istat. Madankollu l-Avukat tal-Istat ma jistax jara l-proċess kriminali u għalhekk qed tinħoloqlu problema meta jkun jrid jaċċessa nformazzjoni fil-process kriminali li tikkumplimenta l-kawża ċivili li tkun qed issir. Xi ħaġa li seħħet fil-kawża kostituzzjonali ta’ Adrian Agius.
Dan l-appell minn naħa tal-Imħallef sar wara l-Avukat li rrappreżenta lill-Ufficcju tal-Avukat tal-Istat f’dawn il-proċeduri, irrimarka li ghad-differenza ta’ dak li ddekretat l-qorti, l-Ufficcju tal-Avukat tal-Istat ma jkollux ghad-dispozizzjoni tieghu d-dokumenti inseriti fil-kumpilazzjoni .
Minn stħarriġ li għamel NET News jidher li hemm anomalija fil-liġi li trid tiġi indirizzata mill-aktar fis. Dan peress li l-artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali jghid li ‘l-atti u d-dokumenti tal-qorti ta’ gustizzja kriminali ma jistghu jintwerew lil hadd, lanqas ma jistghu jinghataw kopji taghhom, minghajr permess specjali tal-qorti, hlief lill-Avukat Generali, lill-partijiet fil-kawza jew lill-avukat jew prokuratur legali li jkun awtorizzat mill-istess partijiet.’
Dan ifisser li l-Avukat tal-Istat minkejja li jiddefendi lill-Avukat Ġenerali fil-proċeduri ċivili, qed isib ostakli biex iwettaq xogholu. Konsegwenza ta’ dan qed jinholoq xoghol zejjed ghar-Registratur tal-Qorti u t-tim tieghu. Punt li jrid jiġi ndirizzat huwa li fil-proċeduri kostituzzjonali ta’ Adrian Agius, ir-Reġistratur tal-Qorti gie mharrek u kellu jagħmel kopji ta’ volum ta’ dokumenti mill-kumpilazzjoni u jippreżentahom b’nota.
Kopja ta’ dan il-volum ta’ dokumenti wasal biss għand l-Avukat tal-Istat jumejn qabel il-jum imholli ghat-trattazzjoni finali. Sa ftit taż-żmien ilu l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat kienu magħqudin. F’Mejju tal-2019 il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iz-zmien Owen Bonnici kien ippubblika abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu, l-Avukat Ġenerali inħall mill-aspetti ċivili tal-Istat u ħa f’idejh aktar responsabbiltajiet bħala prosekutur.
//= $special ?>