Knisja Kultura Lokali

La Semana Santa de España fl-Imqabba tirritorna wara nuqqas ta’ sentejn

Is-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija tal-Mqabba matul il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa ser tkun qed ittella’, edizzjoni oħra tal-wirja ‘La Semana Santa de Espana fl-Imqabba’.   Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, din il-wirja unika li tiffoka kompletament fuq il kult tal-Ġimgħa Mqaddsa fi Spanja se tirritorna bil-kbir. 

Kull minn iżur il-wirja La Semana Santa din is-sena se jinnota bidla, fejn apparti li żdiedu diversi statwi ġodda, inbidel ammont kbir ta’ vestwarju ta’ statwi oħra. 

Din il-wirja tofri esperjenza differenti minn wirjiet oħra tradizzjonali li nsibu kważi f’kull belt u raħal madwar Malta u Għawdex, hekk kif hija wirja unika u oriġinali li tiffoka kompletament fuq il-Ġimgħa Mqaddsa fi Spanja partikolarment fuq ir-reġjun ta’ Andalucia bħal ma huma l-ibliet ta’ Sevilla u Malaga; il-mekka tal-Ġimgħa Mqaddsa fi Spanja.  La Semana Santa tikkonsisti fil-fuq minn 200 vara żgħar repliki ta’ dawk li naraw fl-ibliet Spanjoli; wieħed isemmi vari bħal ‘La Cena’, ‘El Borriquita’, ‘El Huerto’, ‘ La Esperanza Macarena’ u ‘El Resucitado’, fost l-oħrajn.  Jispikka l-fatt li l-istatwi huma kolla imlebbsin ilbies maħdum minn drapp fin u rakkmat.