“Naslu għal konsensus, biex verament ikollna programm ta’ investiment għal persuni b’rabta ‘ta’ veru’ ma’ pajjiżna. Naċċertaw minn persuni tal-affari tagħhom permezz ta’ proċess ta’ ‘due dilligence’ serju, naraw li flok niġbdu attenzjoni negattiva jkollna prodott bi qbil fuq iż-żewġ naħat, li jwassal biex iċ-ċittidinanza tinbiegħ lil min ikun kburi jgħid li hu Malti u ma jiddejjaqx juri ismu” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech lill-Prim Ministru Robert Abela, meta waqt il-programm Net Live, kien qed iwieġeb għal domandi dwar l-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti. Dan il-messaġġ ta’ Bernard Grech jasal wara li fl-aħħar jiem il-Kummissjoni Ewropea wissiet lil pajjizna dwar il-bejgh tac-cittadinanza, għaliex din mhux biss ċittadinanza ta’ pajjiżna imma anke tal-Unjoni Ewropea.
Intervistat minn Robert Cremona, Bernard Grech saħaq li din hi materja li ż-żewġ partiti dejjem kellhom differenzi dwarha u filwaqt li l-Labour ra dan il-bejgħ bħala l-unika introjtu għal pajjizna, dan ġab miegħu flus li iżda magħhom ġabu prezz għar-reputazzjoni tagħna.
Il-Gvern qed iwebbes rasu, iżda il-messaġġ ta’ Bernard Grech kien wieħed ta’ għaqda nazzjonali fejn saħaq li jeħtieġ maturità politka mingħajr ma nitfghu dell ikrah fuq pajjiżna.
//= $special ?>