Lokali Qorti

Persuna bi problema ta’ droga tibqa’ arrestata fuq akkużi ta’ serq

Persuna maskili ta’ 33 sena mill-Fgura, li iżda trid li tidentifika lilha nniffsha bħala mara  u li għandha problema akuta ta’ droga inżammet arrestata fuq diversi akkużi ta’ serq minn ħwienet u karozzi, li wettqet ħsara fuq l-istabbilment misruqa, li ħebbet għall-Pulizja u li kisret numru kbir ta’ ordnijiet tal-Qorti.

Fil-Qorti Malone Debono kienet mgħejjuna bil-lingwa tas-sinjali. Il-Prosekuzzjoni qalet li f’dawn l-aħħar xhur saru diversi rapporti ta’ serq mill-Marsa u l-Ħamrun. Il-Pulizija rat filmati minn cameras tas-CCTV fejn  deheru żewġ  persuni. Waħda mill-persuni kienet Malone Debono, li hija magħrufa sew mal-Pulizija minħabba każijiet preċedenti. Fil-fatt hija mixlija bi 17-il akkuża. Hija spiċċat arrestata u kienet anke referuta l-isptar minħabba problemi mediċi.

L-Ispettur Andy Rotin qal li Debono ħarbet mill-isptar u nqabdet ftit wara fejn anke rreżistiet l-arrest.  L-Avukat Franco Debono, li deher għall-akkużata qal li f’dan l-istadju ma kinitx se ssir talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat qal li l-imputata tabbuża ħafna minn sustanza, u fid-dawl ta’ dan kollu għamel talba biex tiġi indirizzata din il-problema.

Tenna li kull każ huwa differenti u hemm rieda timxi l-quddiem biex issolvi l-problema. “L-għan tal-Qorti huwa li toħroġ minn hawn ġew aħjar milli daħlet u għalhekk tirriforma ruħha,” sostna Debono. L-Avukat talab lill-Qorti biex tirrakkomda li l-imputata tintbagħat fis-sezzjoni fejn tista’ tingħata l-aħjar kura għal fini ta’ riabiliattzjoni kontra d-droga. Xi ħaġa li qablet magħha l-Prosekuzzjoni. Il-Qorti qalet li kienet se tagħmel din ir- rakkomondazzjoni lid-Direttur tal-Faċilita Korettiva ta’ Kordin.

Hija ġiet mixlija b’serq aggravat ta’ flus kontanti li jammontaw għal madwar €800 nhar l-Erbgħa minn ħanut tal-ħelu fil-Marsau dan għall-ħabta tal-11.00am. wettaq dan ir-reat ta’ fil-Marsa. Hija ġiet mixlija wkoll quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ April bejn it-3.00am u l-4.00am. fil-Marsa għamlet ħsara fuq ħanut tal-ħelu ta’ aktar minn €250 iżda anqas minn €2,500.

Ġiet akkużata wkoll li wettqet dan ir-reat bil-ħsieb li tisraq, liema serqa ma saritx minħabba xi ħaġa aċċidentali u ndipendenti mill-volontà tagħha. Ġiet mixlija wkoll li fil-lejl ta’ bejn is-27 u t-28 ta’ Marzu fil-Ħamrun, serqet karozza tal-għamla Hyndai Kona.

Ġiet akkużata wkoll mill-Ispetturi Andy Rotin u Stacy Gatt li fl-14 ta’ Marzu fl-10.00pm. fil-Marsa ħebbet għal Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija u li għamlet ħsara fuq karozza tal-Pulizija li tammonta għal aktar minn €250 iżda anqas minn €2,500.

Ġiet mixlija wkoll li naqsa li jibdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Akkuża oħra fil-konfront ta’ Debono hija li serqet ‘cash register’ li l-valur tiegħu huwa ta’ €600 minn ħanut tax-xagħar li jinsab fil-Ħamrun u li għamlet ħsara fl-istess stabbiliment.

Akkuża oħra tgħid li fil-lejl ta’ bejn it-2 u 3 ta’ April serqet karozza Toyota Vitx mill-Ħamrun u li kkommettiet reat waqt il-perjodu operattiv ta’ probation għal tliet snin u li wettqet reat waqt il-perjodu ta; sentenza ta’ 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin.

Debono kienet mixlija wkoll li naqset li tħares waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati. Għall-akkużata deheru l-Avukati Franco Debono, Marion Camileri u Fracesca Zarb. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Andy Rotin u Stacy Gatt.