Ġmiel uniku… Hekk qed tkun deskritta l-vara ġdida maħduma fl-injam mill-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi u li tirraprezenta lil Kristu jiltaqa’ mal-Veronika.
Dan il-ħames kapulavur fl-injam issa jingħaqad mal-kumplament tas-sett ta’ vari ġodda li qed jinħadmu mill-istess artisti għall-Parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.
Biex jispjegalna iktar dwar din il-vara l-ġdida tal-Veronika, tkellimna ma’ John Ciantar, membru fil-Kumitat tal-Ġimgħa l-Kbira li jieħu ħsieb l-organizzazzjoni tal-Purcissjoni u l-avvenimenti li jsiru fil-Parroċċa matul il-Ġimgħa Mqaddsa.
Alfred u Aaron Camilleri Cauchi ħarġu bl-idea li joħolqu vara aktar realistika u viċin ta’ kif seħħet il-ġrajja tal-Veronika. Dan peress li għall-ewwel darba f’din il-vara hemm il-figura ta’ Kristu taħt is-Salib b’replika ta’ wiċċu bid-demm fuq il-velu. Vara li hija meqjusa bħala waħda espressiva ferm hekk kif turi lill-Veronika f’sentimenti ta’ tbatija.
Ħadna wkoll l-kummenti tal-kappillan ta’ din il-Parrocca Dun Andrew Schembri li kellimna dwar is-sinifkat tax-xbiha tal-Veronika.
Din il-vara tal-Veronika flimkien ma’ numru ta’ vari oħra se jinħarġu fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq sabiex tkun imfakkra l-ikbar festa tal-Knisja Kattolika li twassalna għall-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
//= $special ?>