Lokali

Bernard Grech ifaħħar il-ħiliet u s-sagrifiċċji biex jibqgħu ħajjin it-tradizzjonijiet

Hu importanti li anke l-politiku jagħraf il-ħiliet u s-sagrifiċċji ta’ min jagħmel minn kollox biex it-tradizzjonijiet jibqgħu ħajjin f’pajjiżna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fi tmiem żjara f’żewġ wirjiet li qed jittellgħu fl-Imdina b’minjaturi ta’ vari tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fil-wirjiet, Bernard Grech seta’ jifhem aktar id-dedikazzjoni tal-organizzaturi, kif ukoll tal-qraba u l-ħbieb tagħhom, biex il-Maltin u t-turisti li jżuruhom ikunu jistgħu jidħlu aktar fl-ispirtu ta’ dawn il-festi.

Evidenti fil-wirjiet kemm l-arti u s-snajja’ f’pajjiżna huma marbutin mar-Reliġjon Nisranija, tant li ħafna mill-armar isir bl-idejn, filwaqt li l-organizzaturi dejjem jaraw kif itejbu u jixtru elementi ġodda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jieħu pjaċir jattendi għal dawn l-attivitajiet għax juru l-kapaċitajiet tal-artisti u d-dilettanti.