Futbol Sport

Chelsea jumiljaw lis-Saints bi skor tennistiku….Ftit nifs għal Everton b’rebħa fuq Man Utd

(Ritratt: EPA)

Chelsea pattew għal ġimgħa mill-aktar problematika b’rebħa kbira, 6-0, fuq Southampton barra minn darhom u għal tliet punti oħra li kkonsolidawlhom it-tielet post fil-klassifika tal-Premier League. Il-Blues daħlu għal din il-logħba wara d-disfatta, 1-4, kontra Brentford u t-telfa, 1-3 kontra Real Madrid fiċ-Champions League iżda din id-darba ftit kien hemm dubju dwar id-destinazzjoni tal-punti — b’Chelsea ma jagħtux nifs lis-Saints, tant li skurjaw erba’ gowls mingħajr risposta sa tmiem l-ewwel taqsima ( u fejn anki laqtu l-lasta tliet darbiet).

Chelsea fetħu fuq l-offensiva u wara li Timo Werner laqat il-lasta u l-mimduda fl-ewwel seba’ minuti, Marcos Alonso sab ix-xibka ta’ Fraser Forster fuq l-assist ta’ Mason Mount. Chelsea imbagħad irduppjaw minn Mount (16), bid-difiża ta’ Southampton tisfaxxa kompletament, tant li l-Blues komplew iżidu l-iskor minn Werner (għall-ewwel gowl tal-attakkant Ġermaniż f’sitt xhur) u b’Kai Havertz jagħmilhom erba’ minn tap-in. Fit-tieni taqsima naqset ftit mill-furja ta’ Chelsea iżda t-tim ta’ Thomas Tuchel xorta waħda skorja gowl numru ħamsa minn Werner (49) b’Mount jgħaqqad in-nofs-tużżana sitt minuti wara u għal riżultat ferm embarazzanti għal Ralph Hasenhuttl u l-plejers tiegħu.

Everton kisbu rebħa mill-aktar importanti kontra Manchester United f’Goodison Park u b’hekk temmew sekwenza negattiva li wasslithom għal taqbida qalila mat-tims l-oħrajn lejn in-naħa l-isfel tal-klassifika. It-Toffees bilfors li kellhom jieħdu l-punti minn dan il-konfront wara t-telfa ma’ Burnley xi jiem ilu u l-logħba f’Goodison kienet nieqsa mill-kwalità iżda mimlija b’tensjoni minħabba ċ-ċirkustanzi attwali tal-Merseysiders.

Iżda filwaqt li United fetħu aħjar u marru viċin bid-daqqa ta’ ras ta’ Rashford kellhom ikunu Everton li skurjaw l-uniku gowl tal-konfront meta Anthony Gordon ittanta xortih lejn il-lasta, bil-ballun jieħu ‘deflection’ mad-difensur ta’ United, Maguire, qabel spiċċa fi-xibka ta’ David de Gea. Minn dak il-ħin, Everton organizzaw ħajt difensiv li rari permetta spazju lill-attakkanti ta’ United li dehru neqsin mill-ħeġġa u l-urġenza. Madankollu, fl-aħħar ħinijiet kellu jkun il-gowlkiper Jordan Pickford li salva r-riżultat b’intervent f’waqtu fuq id-daqqa ta’ ras ta’ Cristiano li deher destinat għal ġewwa.

Il-ġimgħa diżastruża għal Arsenal kompliet b’telfa f’darhom kontra Brighton and Hove Albion – bis-Seagulls jirritornaw għar-rebħ meritatament u għall-ewwel darba wara seba’ logħbiet. Arsenal kienu ġejjin mit-telfa umiljanti tat-Tnejn ( 0-3) ma’ Crystal Palace u sabu ruħhom minn taħt wara 28 minuta, meta Leandro Trossard sab ix-xibka b’xutt bid-dawwra, fuq l-assist ta’ Enock Mwepu. Il-Gunners, imbagħad, kellhom ‘gowl’ ta’ Martinelli imħassar wara konsultazzjoni twila mal-VAR, bis-Seagulls jirduppjaw fis-66 minuta wara l-finish stupend ta’ Mwepu li mill-ġdid għeleb lil Ramsdale minn tarf il-kaxxa. Il-gowl qatel il-logħba u Arsenal setgħu biss jiskurjaw gowl ta’ konsolazzjoni minn Martin Odegaard fl-aħħar ħinijiet. Intant, b’din it-telfa, l-ambizzjonijiet tal-Gunners għal post finali fit-Top Four tal-kampjonat jinsabu f’periklu ċar meta fadal biss tmien logħbiet għal tmiem il-kampjonat.

Leeds United għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni b’rebħa, 3-0, fuq Watford f’Vicarage Road. Il-Yorkshiremen kisbu l-vantaġġ b’xutt qawwi ta’ Raphinha (21), b’Ismaila Sarr jitlef opportunità tad-deheb biex iġib id-dro għall-Hornets. Tard fil-logħba, Leeds għamluhom tnejn minn Rodrigo (73) li approfitta min-nuqqas ta’ ftehim bejn Hassane Kamara u Samir biex jirdoppja mill-viċin. L-aħħar gowl ta’ Leeds, imbagħad, wasal minn Jack Harrison (85) li ma ta l-ebda ċans lil Ben Foster b’xutt qawwi lejn ir-rokna. B’din it-telfa, Watford baqgħu t-tieni mill-aħħar fil-klassifika bi żvantaġġ ta’ sitt punti ma’ Everton li jinsabu pożizzjoni waħda biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra.

Tottenham Hotspur kisbu rebħa impressjonanti ta’ 4-0 fuq Aston Villa f’Villa Park għalkemm ir-riżultat jista’ jitqies bħala kiefer għall-Villains li kienu l-aħjar tim għal ħafna mill-ewwel taqsima – u minkejja li huma kienu spiċċaw b’gowl minn taħt skurjat minn Son Heung-min wara biss tliet minuti. Wara l-gowl – u sal-mistrieħ – il-gowlkiper ta’ Spurs, Hugo Lloris, kellu jwettaq numru ta’ saves diffiċli fuq Danny Ings u Ollie Watkins, b’Villa iħabbtu fuq il-bieb kontinwament u mingħajr l-ebda fortuna. Il-mużika nbidlet fit-tieni taqsima, b’Kulsevski (50) jirdoppja b’xutt għar-rokna u b’Son jgħaqqad il-hat-trick tiegħu b’żewġ gowls oħra (66 u 71) fuq assists ta’ Harry Kane. B’din ir-rebħa, Spurs telgħu waħedhom fir-raba’ post bi tliet punti vantaġġ fuq Arsenal iżda b’logħba aktar mill-Gunners.

PREMIER LEAGUE

Illum: Everton v Man Utd 1-0, Arsenal v Brighton 1-2, Southampton v Chelsea 0-6, Watford v Leeds 0-3, Aston Villa v Tottenham 0-4 Għada: Brentford v West Ham 3.00pm, Leicester v Crystal Palace 3.00pm, Norwich v Burnley 3.00pm, Man City v Liverpool 5.30pm