Lokali

“Ħidma flimkien sabiex insaħħu lill-PN” – Segretarju Ġenerali Michael Piccinino

Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista ma waqfitx mar-riżultat tal-elezzjoni ‘l hawn, anzi ssoktat bil-qawwa sabiex inkomplu nissaħħu.

Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino f’intervista li saritlu fuq Net FM is-Sibt filgħodu fejn tkellem dwar l-aktar pass mistenni fil-Partit, hekk kif fi kliemu stess fuq moħħ kulħadd hemm il-fatt li trid issir elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Filwaqt li insista li l-Kap attwali, Bernard Grech, diġà ħabbar li se jkun qiegħed jikkontesta sabiex jiġi kkonfermat bħala kap huwa sostna li fl-24 ta’ April se jkun qiegħed jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali sabiex jitniedi proċess tal-għażla, u wara sebat ijiem tagħlaq is-sejħa ta’ interess. Huwa spjega li f’każ li jkun hemm aktar minn kandidat wieħed – jitnieda l-proċess ta’ due diligence fost proċessi oħra.

Michael Piccinino insista li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hija waħda kontinwa b’diversi nies li qed javviċinaw lill-Partit sabiex jagħtu sehmhom.

Is-Segretarju Ġenerali spjega li t-test elettorali li jmiss mhux 5 snin oħra, iżda sentejn oħra; fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Parlament Ewropew u għaldaqstant il-ħidma trid tissokta.

Mistoqsi dwar id-deċiżjoni ta’ Janice Chetcuti li ma tixħitx in-nomina tagħha għall-elezzjonijiet każwali sabiex tiġi eletta bl-ogħla ammont ta voti fil-mekkaniżmu tal-gender quota, huwa saħaq li Chetcuti hi ħasset li għandha tagħmel dan il-pass sabiex fin-Nofsinhar ta’ Malta l-PN ikollu preżenza akbar – hekk kif għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista se jkollu 3 rapprezentanti eletti mit-tielet distrett.

Huwa spjega li nhar it-Tlieta l-Partit Nazzjonalista se jkollu 13-il membru parlamentari eletti oħra, 7 bil-by election u 6 oħra permezz tal-mekkaniżmu tal-ġeneru…u għalhekk, Michael Piccinino sostna li t-tlieta filgħaxija se jitlaqqa l-grupp parlamentari komplut sabiex l-għada, l-Erbgħa jitlaqqa l-Eżekuttiv.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li kontinwament jagħtu l-għajnuna lilll-Partit Nazzjonalista, anke uħud minnhom b’mod volontarju…huwa ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikomplu javviċinaw lill-Partit Nazzjonalista.