Lokali

Investigazzjoni ferm diffiċli fil-każ tar-raġel li nstab maqtul f’karozza f’Ħal Qormi

Qegħdin jiġu msejjħa bħala nvestigazzjonijiet mill-aktar diffiċli minn naħa tal-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ raġel li nstab f’bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi nhar  it-Tlieta. Dan għaliex jekk jiġi stabbilit mija fil-mija li l-vittma huwa Mario Farrugia, dan ir-raġel minn Pembroke kien persuna ta’ ftit kliem, ma kellux ħafna ħbieb, magħruf bħala tal-affari tiegħu, bil-ħarġa tiegħu kienet biss għal xi attività li jorganiżża l-Kappillan tal-parroċċa tal-lokal jew xi attivita li jorganiżża l-Kunsill Lokali.

Kien bniedem li qatt ma kiser difrejh mal-ġustizzja,ma kellux każijiet il-Qorti, ma kienx jiffrekwenta każini u ma kien jittanta jew idejjaq lil ħadd. Għaldaqstant l-investigazzjoni tal-Pulizija, dwar fejn hi tista’ timraħ hija waħda skarsa. Madankollu l-investigaturi għadhom għaddejjin bla waqfien b’rabta ma’ dan il-każ.

Filmati tas-CCTV fl-inħawi jistgħu jiddeterminaw eżatt x’ġara. Jista’ jkun il-każ li tista’ twassl mil-liema direzznjoni kienet qed tinstaq il-karozza u min seta pparkjaha fil-post li nstabet, Dan dejjem jekk jinqabdu l-filmati fl-inħawi ta’ min  fejn din il-karozza nstaqet, u minn min.

Sas-sena 2018 Farrugia kien għadu jgħix ma’ ommu u sa sena qabel kien jgħix maż-żewġ ġenituri tiegħu li iżda tilifhom f’perjodu ta’ sena. Pensjonant u ġuvni ta’ 62 sena, li kien baqa’ jaħdem b’karozza Peugout 407 bi pjanċi tar-reġistrazzjoni BGY 074, reġistrata fuq l-istess Farrugia li perjodikament kien  juża’ bħala ‘taxi’.

Għal dawk li kienu jafuh, x’wassal biex dan jinqatel hija misteru kbir. Il-Pulizija mhijiex tieqaf bil-għan li ssolvi każ diffiċli ferm, u ma kull ġurnata li tgħaddi, sakemm ma jkunx hemm xi żblokk, l-investigazzjonijiet isiru aktar diffiċli. Il-katavru tal-vittma nstab fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, vittma, li għadu ma ġiex identifikat b’ċertezza, anke jekk membri tal-familja tiegħu huma konvinti li l-vittma huwa Mario Farrugia.

L-analiżi forensika għadha għaddejja fejn l-investigaturi qegħdin jistennew ir-riżultat finali tat-testijiet tad-DNA biex tkun konfermata l-identità tar-raġel. L-investigaturi qegħdin jippruvaw jistabilixxu fejn eżattament inqatel, fejn kollox jindika li l-karozza kienet ilha pparkjata madwar ħamest ijiem fil-post fejn nstabet fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi.

Kien għal ħabta ftit wara l-10:00am ta’ nhar it-Tlieta filgħodu li l-Pulizija daħlilha rapport li fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi kien hemm karozza pparkjata, ta’ lewn griż li minnha kienet ħierġa riħa tinten. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post u fetħu l-bagoll tal-karozza sabu katavru b’wiċċu mgħotti.

Il-Pulizija diġa kkonfermaw lir-raġel qala diversi daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Kull nitfa dettall hija mportant għall-Pulizija li għada qed tappella biex min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni dwar dan l-omiċidju jċempel, anke b’mod anonimu, fuq in-numri 21224001 jew 119.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett,ta’ Ħal Qormi u San Ġiljan.  L-Inkjesta Maġisterjali hija mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.