Lokali

Isejħu għall-paċi u l-imħabba permezz tal-mużika

Madwar tlettin mużiċist se jkunu qegħdin idoqqu f’Ħamis ix-Xirka biex iwasslu messaġġ ta’ paċi u imħabba fid-dawl ta’ dak li qed jiġri bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan se jsir fis-Suq tal-Belt fi Triq il-Merkanti fil-11am u fin-12.30pm.

Din l-attività hi miftuħa għall-pubbliku kollu fejn wieħed se jkun jista’ jgawdi minn 45 minuta ta’ għażla mużikali. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jagħtu donazzjoni li se tmur biex tgħin lil dawk li għaddejjin minn tbatija kbira minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, billi fost l-oħrajn se jixtara ikel, xorb, u oġġetti ta’ iġjene personali.

Fi tmiem din l-attività volontarja, il-mużiċisti se jkunu qed jiddedikaw biċċa finali bit-titlu “An instrument of your peace” miktuba oriġinarjament minn Vince Fabri u adattata għall- ensemble ta’ Tektek Nota minn Luke Vella. Grupp vokali żagħżugħ immexxi minn Romina Vella se jingħaqad mal-mużiċisti żgħażagħ biex flimkien ikantaw din il-kanzunetta esklussiva.

Din l-inizjattiva hija organizzata minn Tikka Banda bl-appoġġ sħiħ tas-Suq Tal-Belt Valletta u b’kollaborazzjoni ma’ Caritas Malta li qed tappella għal donazzjonijiet monetarji għall-poplu tal-Ukrajna permezz ta’ Caritas International Emergency Aid Fund.