Internazzjonali Unjoni Ewropea

Tibda uffiċjalment it-triq tal-Ukrajna lejn is-Sħubija fl-UE

Bdiet uffiċjalment it-triq tal-Ukrajna lejn is-Sħubija fl-Unjoni Ewropea, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen ippreżentat id-dokumenti lill-President Volodymyr Zelensky u bil-Gvern ta’ Kiev jgħid li se jgħaddi lura l-kwestjonarju fi żmien ġimgħa, f’dak li qed ikun meqjus bħala l-ewwel pass li se jwassal lill-Ukrajna tissieħeb formalment mal-blokk Ewropew.

F’konferenza tal-aħbarijiet matul l-ewwel żjara tagħha f’dan il-pajjiż, Von der Leyen spjegat li dan il-proċess mhux mistenni jieħu s-snin, bħalma ġara ma’ pajjiżi oħrajn, iżda biss ftit ġimgħat. Hi kompliet li għar-Russja, is-sitwazzjoni se twassal biss għal tmermir ekonomiku, finanzjarju u teknoloġiku, fl-istess waqt li l-Ukrajna tkun miexja ‘l quddiem għas-Sħubija.

Matul iż-żjara tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ewropea fissret is-sitwazzjoni f’Bucha – fejn kienet qed iżżur – bħala waħda li qed tikxef il-wiċċ krudili tal-armata Russa. Hi kienet akkumpanjata mid-Diplomatiku Ewlieni tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell, li ħabbar li l-Unjoni mistennija tagħti €500 milun f’għajnuna militari lill-Ukrajna.