Lokali Qorti

Jitressqu żewġt irġiel il-Qorti b’rabta ma’ serqa li saret il-Ġimgħa fuq bejjiegħ tal-ħaxix

Jason Attard ta’ 46 sena residenti Santa Venera u Rodrick Tabone ta’ 34 sena li jgħix Birkirkara tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serqa li saret fuq bejjiegħ tal-ħaxix f’Ħal kirkop. Il-każ seħħ il-Ġimgħa waranofsinhar għall-ħabta tas-2pm ..  fi Triq l-Ewwel Titjira 1915, f’Ħal Kirkop.

Apparti dan il-każ, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras, iż-żewġ t’irġiel ġew akkużati bi tliet serqiet oħra …  serqa minnhom seħħet fis-26 ta’ Marzu li għadda minn stabbiliment tal-logħob f’Ħal Qormi u oħra fil-Ħamrun, u li l-għada l-Ħadd 27 ta’ Marzu serqu minn ħanut tad-doghnuts f’Ħal Qormi.

Attard u Tabone ġew mixlija wkoll li f’kull serqa li wettqu żammew persuna kontra r-rieda tagħha u li użaw arma li taqta’ u għall-ponta.

Apparti dawn, Jason Attard waħdu kien mixli li seraq minn ħanut tal-ikel f’Ħal Qormi fit-3 ta’ April, ġurnata qabel ma seħħet l-aħħar serqa f’Ħal Kirkop. Il-prosekuzzjoni qalet li b’kollox Attard seraq aktar minn €1,000 fi flus kontanti.

Min-naħa tiegħu Roderick Tabone kien mixli wkoll b’pussess aggravat ta’ kokaina, f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu tiegħu, u li huwa riċediv.

Filwaqt li Jason Attard wieġeb li huwa ħati tal-akkużi, Rodrick Tabone wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Is-sentenża mistennija tingħata nhar it-Tnejn 18 ta’ April, filwaqt li żewgt irġiel inżammu arrestati.