Il-Prim Ministru tal-Awstralja, Scott Morrison, ħabbar li l-elezzjoni federali ta’ pajjiżu għandha ssir fil-21 ta’ Mejju. Dan meta l-koalizzjoni fil-Gvern għandha 76 deputat fil-Kamra tar-Rappreżentanti li huma l-minimu meħtieġ għal entità politika biex tamministra lil dan il-pajjiż.
L-avversarju kbir ta’ Morrison f’din l-elezzjoni hu Anthony Albanese li qed imexxi lill-Partit Laburista Awstraljan. Intant, il-konferma tad-data tal-elezzjoni ngħatat wara taħditiet f’Kanberra bejn il-Prim Ministru Awstraljan u l-Gvernatur Ġenerali tal-Awstralja, David Hurley.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-konferma tad-data, Scott Morrison qal li l-elezzjoni se tipprovdi lill-Awstraljani b’għażla bejn futur fis-sod u futur inċert….Għażla bejn Gvern bi track record pożittiv jew Tmexxija Laburista ġdida li ħadd ma jaf il-veri intenzjonijiet tiegħu għall-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Laburista Albanese qal li l-pandemija provdiet lill-Awstraljani bl-opportunità biex jimmaġinaw futur aħjar u li l-partit tiegħu għandu l-pjani u politika lesta biex isawwar proprju dan il-futur pożittiv.
- Scott Morrison hu l-ewwel Mexxej tal-Awstralja li kkonkluda mandat ta’ poter sħiħ wara l-eks Prim Ministru Awstraljan John Howard, li kien rebaħ erba’ elezzjonijiet qabel tilef kontra l-eks Kap Laburista Kevin Rudd, fl-2007.
Dan meta l-koalizzjoni ta’ Morrison, taħt tmexxija liberali, qed tiddefendi maġġoranza ta’ siġġu wieħed biss fil-Parlament — bl-osseravaturi politiċi jinsabu kawti dwar il-prospetti li din il-koalizzjoni tikseb it-tmien rebħa fost l-aħħar għaxar elezzjonijiet federali tal-Awstralja.
//= $special ?>