Rowen Camilleri
GŻIRA U………………1
BIRKIRKARA……..1
Gżira U: D. Zarkov, G. Mentz, M. Cosic, L. Tabone, N. Muscat, Z. Scerri, T. Kollega, Y. Messias, A. Pavic (C. Gauci 71’), N. Portelli (J.P. Attard 76’), J. De Assis
Birkirkara: D. Fernandes, E. Ruiz, E. Pepe, L. Montebello, P. Mbong (J. Nsumoh 64’), K. Zammit, R. Scicluna, L. Aguirre, K. Bevis, J. Macedo (Y. Yankam 84’), D. Venancio (C. Bonanni 46’)
Imwissija: E. Pepe 10’, C. Bonanni 80’ (B), N. Portelli 26’ (G)
Tkeċċa: E. Pepe 90+1 (B)
Skorjaw: J. De Assis 7’ (G), M. Kosic (og) 57’ (B)
Referee: Fyodor Zammit
Assistenti Referees: Luke Portelli u Duncan Spencer
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Leandro Aguirre (Birkirkara)
BOV Plejer tal-logħba: Jefferson De Assis (Gżira United)
Fl-unika partita li kellna l-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali, Gżira United u Birkirkara spiċċaw fi dro ta’ 1-1, riżultat li ma’ jissodisfa l-ħadd minnhom fil-ġlieda għall-kwalifikazzjoni għall-kompetizjonijiet Ewropej.
Wara biss tliet minuti Birkirkara marru viċin li jiftħu l-iskor meta kien Paul Mbong li għadda ballun tajjeb ħafna lejn Luke Montebello li għalkemm irnexxielu jgħeleb lil Zarkov ix-xutt kien fjakk u d-difensur Luke Tabone tajjar il-periklu fil-ħin minn fuq il-linja. Erba’ minuti wara Gżira marru fil-vantaġġ. Kien kross ta’ Messias li sab lil Mentz li għola tajjeb u ra d-daqqa ta’ ras b’saħħitha tiegħu tiġi milqugħa b’mod spettakolari minn Fernandes iżda l-ballun ġie fuq ras JEFFERSON DE ASSIS li b’lasta vojta tefa’ fix-xibka. Fl-14-il minuta ċans ieħor għall-Istripes meta reġa kien Montebello li rċieva pass preċiż mingħand Venancio iżda meta ġie wiċċ imb wiċċ mal-goalkeeper, l-Internazzjonali Malti tefa’ l-ballun barra. Fit-18-il minuta Kollega għal Gżira avvanza max-xellug u tefa’ kross fil-kaxxa, bid-difiża ta’ Birkirkara tonqos milli tieħu l-ballun li spiċċa għand Pavic li ra x-xutt tiegħu jkun milqugħ b’diffikultà minn Fernandes. Il-kumplament tat-taqsima kienet nieqsa minn azzjonijiet perikolużi u l-ewwel 45 minuta temmew bit-tim immexxi minn Darren Abdilla fil-vantaġġ.
Mill-bidu tat-tieni taqsima Birkirkara urew titjieb fil-logħob tagħhom u fis-57 minuta saħansitra rnexxielhom jiksbu d-dro. Kien korner insidjuż minn Leandro Aguirre li wasal fil-kaxxa ż-żgħira u f’tentattiv li jtajjar il-periklu bir-ras, id-difensur tal-Maroons Marko Cosic tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess. Kwarta mit-tmiem Agiurre u Montebello għal Birkirkara biddlu l-ballun tajjeb ma’ xulxin bil-konklużżjoni tan-numru seba’ tkun milqugħa tajjeb minn Zarkov qabel mad-difiża tajjret il-periklu. Fl-84 minuta Montebello jgħaddi ballun ‘il quddiem lejn Bevis li avvanza iżda minn qagħda angulata tefa’ l-ballun barra. Fil-ħin miżjud Birkirkara spiċċaw b’għaxra minn nies meta Enrico Pepe intwera t-tieni karta safra għal foul fuq Yuri Messsias. Fl-aħħar minuta tal-ħin miżjud Gżira setgħu ħadu t-tliet punti meta s-sostitut Clive Gauci tefa’ kross lejn Nikolai Muscat li prova x-xutt mill-ewwel u b’fortuna għal Karkariżi Claudio Bonanni tajjar il-ballun minn fuq il-linja. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-logħba qabel it-tisfira finali ta’ Fyodor Zammit.
//= $special ?>