Fil-jiem meta qed infakkru l-Passjoni u l-Mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, ma nistgħux ninsew lil ħutna fl-Ukrajna, li bħalissa għaddejjin minn kalvarju kbir.
Kliem l-Arċisqof ta’ Malta, Mons Charles Scicluna, waqt il-Quddiesa ta’ Ħadd il-Palm – it-Tifkira Solenni tad-Daħla tal-Mulej f’Ġerusalemm – li tagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, li hi l-aktar ġimgħa importanti fil-Kalendarju Liturġiku tal-Knisja Kattolika.
Il-Kap tal-Knisja f’Malta fisser il-ġlied fl-Ukrajna bħala r-riżultat ta’ deċiżjonijiet boloh, strambi u kiefra, kif ukoll rieda inumana tal-bniedem li għandu r-regħba għall-poter biex ikisser lill-bniedem.
Anke l-Papa Franġisku, matul Quddiesa fi Pjazza San Pietru, irrefera għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna meta qal li min jirrikorri għall-vjolenza, juri li ma jkun jaf xejn dwar Alla. Ikun qed jinsa għaliex jinsab f’din id-dinja u minflok, jagħżel li jagħmel atti krudili u assurdi.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika xebbaħ dak li qed naraw fl-Ukrajna ma’ Ġesù li reġa’ qed ikun imsallab u b’ommu tarah imut b’mod inġust. Fakkar fil-kalvarju ta’ dawk l-anzjani li qed jitħallew imutu waħedhom, filwaqt li liż-żgħażagħ qed jinqerdilhom il-futur u s-suldati li qed jintbagħtu joqtlu lil ħuthom stess.
Il-Papa staqsa lill-Insara jekk hux se jsegwu lil Ġesù bħala l-Imgħallem jew inkella lill-istint rabjuż bħala bnedmin. Fakkar kif Alla jħares lejna bħala uliedu maħbubin u ma jiddistingwix jekk aħniex twajba jew kattivi, inkella ħbieb jew għedewwa.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Malta fakkar ukoll kif Ġesù kien sejjaħ il-mumenti tal-Passjoni tiegħu bħala s-Siegħa tad-Dlamijiet – fejn rebaħ il-ħażin – iżda għax obda r-rieda ta’ Missieru, minn ħżiena għamel lill-bnedmin ġusti.
Saħansitra, waqt li kien imdendel fuq is-Salib, hu kien sfidat biex isalva lilu nnifsu – saħansitra mill-Kapijiet tal-Lhud. Madankollu, tenna Monsinjur Scicluna, hu għażel li jinsa lilu nnifsu totalment biex jeħles lilna u jsalvana minn dnubietna għax il-missjoni tiegħu f’din l-art kienet li jsalva lill-bnedmin kollha.
Sadanittant, iċ-ċelebrazzjoni fil-Konkatidral ta’ San Ġwann bdiet billi l-Kap tal-Knisja f’Malta bierek il-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ – li bihom intlaqa’ Ġesù mad-dħul tiegħu f’Ġerusalemm – li mbagħad jinħarqu u l-irmied tagħhom jintuża’ f’Ras ir-Randan tas-sena d-dieħla.
Dan bħala simbolu tal-Knisja Kattolika tal-għaqda bejn il-bidu u t-tmiem ta’ Żmien ir-Randan, li jilħaq il-qofol tiegħu fi tmiem il-ġimgħa li ġejja … mhux biss bil-Passjoni u l-Mewt, iżda anke bil-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
F’Ħadd il-Palm, il-Knisja Kattolika tneħħi l-vjola u tilbes l-aħmar, li jirrappreżenta lil Ġesù bħala Sultan fid-dħul trijonfali tiegħu, għalkemm b’umiltà riekeb fuq ħmar. Il-kulur aħmar jirrappreżenta wkoll id-demm … u allura l-Passjoni ta’ Kristu.
//= $special ?>