Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, sostna li l-persuni responsabbli mill-qtil brutali ta’ għexieren ta’ ċivili fil-belt Ukrena ta’ Bucha huma ħatja dwar reati tal-gwerra u jridu jinżammu kontabbli fl-interessi tal-ġustizzja.
Dan meta l-awtoritajiet Ukreni kkonfermaw li nstabu l-mijiet ta’ ċivili maqtulin b’idejhom marbutin fuq wara wara li t-truppi tar-Russja rtiraw, jiem ilu, mill-inħawi ta’ Bucha.
L-awtoritajiet lokali f’Bucha, issa, qalu li nstabu ‘il fuq minn 400 ċivili mejtin u li ċ-ċifra mistennija tiżdied ‘il quddiem – bit-tfittxija għal residenti nieqsa qed tkompli. Fil-fatt, ir-residenti tal-belt, fl-aħħar sigħat, sabu talanqas 280 katavru midfunin f’qabar tal-massa.
Il-Kanċillier Scholz qal li ‘massakru bħal dan ma jintesiex malajr’ u li l-komunità internazzjonali għandha tindirizza dawn ir-reati tal-gwerra bl-akbar sens ta’ impenn biex il-qattiela taċ-ċivili jieħdu dak li ħaqqhom. Minkejja dan, ir-Russja qed tiċħad kategorikament li t-truppi tagħha qegħdin joqtlu liċ-ċivili fl-Ukrajna waqt li rreferiet għal ‘allegazzjonijiet ibbażati fuq qerq’.
Il-Ġermanja, intant, qed taħseb biex tkompli tissupplixxi lill-Ukrajna bl-armamenti għal difiża aktar effiċjenti tat-territorji tagħha quddiem il-magna tal-gwerra Russa.
U ftit tal-ħin ilu, l-Ukrajna qalet li nstab qabar tal-massa ieħor f’zona, viċin Kiev, li sa ftit ilu kien okkupat mis-suldati ta’ Putin. Dan waqt li kelliema fil-villaġġ ta’ Buzova ikkonfermaw is-sejba ta’ għexieren ta’ katavri ta’ ċivili f’ħofra fonda li kienet tħaffret viċin stazzjon tal-petrol.
//= $special ?>