Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jgħid li l-Ewropa sħiħa spiċċat mira għall-aggressjoni tar-Russja

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, wissa li l-aggressjoni tar-Russja u tal-President Russu Vladimir Putin ‘ma kienet limitata qatt għall-Ukrajna’ waqt li sostna li l-Kremlin ta’ Moska ‘għandu lill-Ewropa sħiħa fil-mira tiegħu’.

Zelensky – li fl-aħħar ġimgħat żgiċċa minn diversi attentati tar-Russi fuq ħajtu – ħeġġeġ biex il-Punent jimponi embargo assolut fuq il-prodotti tal-enerġija li ġejjin mir-Russja waqt li, fl-istess ħin, jissupplixxi lill-Ukreni b’dejjem aktar armi biex jiddefendu lilhom infushom.

Il-President Ukren żied li dawn l-azzjonijiet biss jistgħu jwasslu għat-tmiem tal-gwerra u li l-użu tal-forza minn Putin għandha titqies bħala ‘katastrofi li bilfors trid tolqot lil kulħadd ( fl-Ewropa) minn ħin għall-ieħor’.

L-Ukrajna, fi kliem Zelensky, tinsab lesta għal sensiela ta’ battalji ‘brutali’ meta l-qawwiet Russi qed jinġabru, bin-numru massiċċi, fiz-zoni Ukreni tal-Lvant. Iżda l-President Zelensky għamilha ċara li l-Ukrajna ‘temmen li r-rebħa se tkun tagħha’ u filwaqt li l-Ukreni jinsabu lesti biex jiddefendu arthom sal-aħħar nifs, il-Gvern fi Kiev xorta waħda għadu jfittex il-mezzi diplomatiċi li jistgħu jikkonkludu din il-gwerra.

Madankollu, is-sorsi fi Kiev qalu wkoll li l-President Zelensky u l-President Putin ‘żgur li mhumiex se jiltaqgħu għal taħditiet sakemm il-qawwiet Russi jispiċċaw megħluba fil-ġlied futur li għandu jolqot lill-Ukrajna tal-Lvant.’